Lokali

Rebħa għas-sewwa li tirrispetta l-vot tal-poplu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busutttil iddeskrieva s-sentenza tal-Qorti b’ġurisdizzjoni Kostituzzjonali, mogħtija dalgħodu, li fiha kien deċiż li l-PN għandu jżid żewġ Deputati, bħala rebħa għas-sewwa li tirrispetta l-vot tal-poplu. Simon Busuttil ta l-ewwel reazzjoni tiegħu f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali, fejn qal li din kienet sentenza storika li wettqet ġustizzja mal-elettorat u li permezz tagħha għandha tkun riflessa b’mod aħjar il-volontà tal-elettorat fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din is-sentenza qed issewwi żball li sar mill-Kummissjoni Elettorali fl-għadd tal-voti tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Minħabba dan l-iżball, il-Partit Nazzjoanlista spiċċa b’żewġ Deputati anqas fil-Parlament, biex il-Partit Nazzjonalista kiseb 30 Deputat minflok 32. Kompla li fis-senenza tagħha l-Qorti kienet ċara meta qalet li d-deċiżjoni għandha tkum implimentata minnufih għax kaġun ta’ dan l-iżball, il-Partit Nazzjonalista ilu sentejn jaħdem fil-Parlament b’żewġ Deputati nieqsa.

Simon Busuttil kompla li issa trid tkun il-Kummissjoni Eelettorali u l-Gvern li jirrispettaw is-sentenza ħalli ssir ġustizzja bla dewmien. Sostna li dan il-każ juri l-effettività tal-Oppożizzjoni wara li l-pressjoni tagħha wasslet biex kien hemm bdil fl-iskema dwar iċ-Ċittadinanza, bdil fil-pjani tal-Gvern li ma riedx jagħmel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u r-riżenja tal-Ministru Manwel Mallia.

Mistoqsi għall-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni quddiem l-appell li l-Gvern diġà ddikjara li se jagħmel, Simon Busuttil sostna li kull parti għandha d-dritt tagħmel appell minn sentenza. Madankollu, staqsa xi skop għandu l-Gvern li jagħmel appell jekk mhux l-intenzjoni li jżomm maġġoranza ta’ disa’ siġġijiet minflok sebgħa. Il-volontà tal-poplu fl-aħħar elezzjoni ġenerali għandha tirbaħ, sostna Simon Busuttil.

Simon Busuttil qal li issa r-responsabbilta ta’ liema zewġ Kandidati se jkunu eletti, irrispettivament minn liema distretti huma, hi tal-Kummissjoni Elettorali. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li għandhom ikunu eletti l-ewwel żewġ Kandidati li jmiss u li ġaabu l-akbar ammonti ta’ voti iżda ma kienux eletti.