Il-Kappella ta’ Santu Rokku f’Ħaż-Żebbuġ
minn Stanley Farrugia Randon – Din l-Art Ħelwa
Fl-1592 erba’ xwieni tad-Duka tat-Toskana daħlu f’Malta wara li qabdu xwieni Torok. Iżda daħħlu magħhom l-ewwel pesta bubonika li kellna f’pajjiżna wara li ġew il-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Din il-kappella f’Ħaż-Żebbuġ, inbniet fl-1592 bl-inizjattiva ta’ Tumas Vassallo u martu, Katarin. Huma taw ukoll għalqa biex il-knisja jkollha l-fondi mir-renta tagħha. F’dik il-pesta kienu mietu xi 3,000 Malti għaliex ma kienx hemm kura għaliha. Illum din il-pesta hija rari ħafna. Santu Rokku huwa wieħed mill-qaddisin patruni tal-pesta.
Wara l-pesta nbnew ukoll kappelli fil-Belt, f’Ħal Balzan u f’Birkirkara. It-tradizzjoni tgħid li dan il-qaddis kien ċaħad il-wirt tiegħu u ddedika ruħu biex ifejjaq il-morda. Hu nnifsu marad bil-pesta, iżda salvaħ kelb li kien iġiblu l-ikel u jilgħaqlu l-feriti tiegħu. Din hija r-raġuni għaliex il-pitturi tal-qaddis dejjem juru kelb ħdejn saqajħ.
L-arkitettura tal-kappella hija sempliċi. Is-saqaf huwa magħmul bix-xorok tal-qasab u hemm tliet arkati. Il-kappella hi 8 metri twila u 7 metri wiesgħa. Ma jeżistux aperturi fil-ġnub tal-kappella. Fuq il-bieb ta’ barra hemm tieqa tonda u fuqha hemm gwarniċ rettangolari. Il-kappella għandha torri għal qanpiena żgħira. L-ilma jiskula mis-saqaf minn żewġ postijiet. Għad hemm bank tal-ġebel fil-gnub tal-kappella minn ġewwa. Iz-zuntier huwa daqs nofs il-kobor tal-knisja.
Il-pittura fuq l-artal prinċipali saret madwar l-1600, iżda l-artist mhux magħruf. Kienet irrestawrata fl-1989. Fis-27 ta’ April tal-1980, il-Knisja tat il-kappella lil Din l-Art Ħelwa għal 150 sena u fl-1989 kienet inawgurata bħala mużew. Il-wirja turi xogħlijiet li saru minn Żebbugin li għamlu isem fil-pajjiż.
L-istatwa ta’ Santu Rokku f’Ħaż-Żebbuġ
Din l-istatwa tinsab fi Triq il-Kbira f’Ħaż-Żebbuġ li qabel kienet it-triq ewlenija mill-Bieb ta’ De Rohan lejn il-Knisja Parrokkjali u tinsab faċċata tal-kappella ta’ Santu Rokku li titmexxa minn Din l-Art Ħelwa. Jingħad li din hi l-ikbar statwa dedikata lil Santu Rokku f’Malta. L-iskultur tagħha mhux magħruf imma skont rakkont ta’ Ciappara fil-ktieb tiegħu, Storia del Zebbug e sua Parrocchia (1882) jingħad li x-xbiha tixbaħ saċerdot mibni tajjeb li kien jgħix fil-viċinanzi. L-istess rakkont jabbina d-data ma indulġenza fis-sena 1736 għalkemm ma nstabet l-ebda evidenza.
Sas-Seklu 18 l-istatwa u l-pedestall kienu wieqfa waħedhom imma eventwalment inbnew djar warajhom. Inħoloq qafas arkitettoniku bħala sfond għall-istatwa u fuqu saret skultura li serviet bħala bażi għall-salib tal-injam. L-istatwa turi lil Santu Rokku bl-ilbies tipiki tiegħu. L-istatwa u l-pedestall inħadmu bil-ġebla tal-franka, minquxa f’diversi blokki tal-ġebel, imma l-kelb kien imnaqqax minn blokka waħda tal-ġebel.
Il-pesta ħalliet diversi vittmi f’Ħaż-Żebbuġ imma jingħad li l-istatwa u l-kappella li nbnew bħala wegħda lejn il-qaddis pellegrin, serviet mhux biss bħala turija ta’ ringrazzjament, imma għenet biex il-marda inqerdet kmieni.
Bħal fil-każ tal-istatwa ta’ Santu Rokku f’Birkirkara, saru diversi interventi u attentati dilettanteski biex tkun restawrata. F’dan il-każ, l-istatwa tgħattiet b’diversi saffi ta’ żebgħa li serviet biss biex ħolqot saff li ma ħalliex lil ġebla tieħu l-arja. Il-kuluri magħżulin ma kinux dejjem jixbħu lil dawk oriġinali u għalhekk kien deċiż li jitqaxxru s-saffi kollha taż-żebgħa biex ikunu identifikati dawk oriġinali. Il-kuluri oriġinali fuq l-istatwa ta’ Santu Rokku ta’ Birkirkara għenu lir-restawraturi biex jagħżlu l-kuluri adatti li kienu wkoll ikonografikament korretti.
Wara li tneħħew is-saffi taż-żebgħa taż-żejt, ir-restawraturi applikaw żebgħa b’kuluri naturali. Is-siment u materjal ieħor mhux adattata li kien intuża fit-tiswijiet li kienu saru qabel fuq l-istatwa u fuq il-pedestall tagħha, tneħħa fejn kien possibbli u minflok intuża materjal apposta. Saru wkoll tiswijiet oħra fuq il-ħadid u l-injam li kien spiċċa, kien mibdul. Partijiet żgħar mill-istatwa kienu mibdulin fl-imgħoddi. Is-subgħa l-werrej tal-id il-leminija kien sar tal-injam.
Għax-xogħol ta’ restawr, intrama scaffolding bil-għajnuna tad-Direttorat tar-Restawr taħt ir-responsabbilta’ diretta tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali. Ir-restawr sar possibbli permezz ta’ sponsorship konġunt bejn il-fergħat lokali tal-Bank of Valletta u ta’ HSBC Bank Malta, JMV Quality in Steel Limited u l-Grupp Debono.
//= $special ?>