Lokali Qorti

Tliet snin u disa’ xhur ħabs għal Somalu li kiser imnieħer Pulizija

Somalu ta’ 27 sena ġie kundannat tliet snin u disa’ xhur ħabs, mill-Maġistrat Neville Camilleri, wara li ammetta li kkaġuna feriti gravi fuq il-kuntistabbli David Bezzina, li sofra minn ksur f’imnieħru. Jimale Hassan Abdullahi kien immultat ukoll €4,500.

Ir-raġel ammetta li kien fis-sakra u skuża ruħu għal dak li għamel. Fil-passat kien ukoll ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li kien attakka Pulizija, u 18-il xahar ħabs oħra talli ħebb għal anzjan biex jisirqu. Kien ingħata sentenza sospiża wara li attakka lill-Manager taċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa.

L-Ispettur Robert Vella qal li l-Prosekuzzjoni kienet qed titlob għal sentenza effettiva ta’ mhux anqas minn erba’ snin u multa ta’ €4,000. Huwa qal li t-theddid tas-Somalu fil-konfront tal-Pulizija qegħdin jiżdiedu.

L-Avukat Noel Bartolo, li deher għalih, qal li kienu l-Pulizija li pprovokawh billi qattgħulu xi karti li kellu. Minkejja dan, xorta waħda skuża ruħu għall-azzjonijiet tiegħu.

Il-każ seħħ fis-2.20am ta’ dalgħodu meta Abdullahi daħal fl-Għassa tal-Pulizija u talab biex ikellem lil kuntistabbli partikolari. Il-kuntistabbli Bezzina, li kien xogħol, spjegalu li l-persuna li hu ried ikellem ma kienx xogħol iżda Abdullahi baqa’ jinsisti u sar aggressiv fejn beda jgħajjat u attakka lil Bezzina.

Il-Kuntistabbli Bezzina talab għall-għajnuna u meta waslu l-Pulizija tad-Distrett sabu lil Abdullahi jgħajjat u jaġixxi b’mod vjolenti. Marru wkoll il-membri tar-Rapid Intervention Unit li malajr ikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Il-Maġistrat Camilleri, fis-sentenza tiegħu, qal li l-aħjar soluzzjoni hi sentenza ta’ ħabs effettiva u multa.