Internazzjonali

Ħarsa lejn il-qawwa militari tal-Ġordan u r-Re Abdullah II

Il-Ġordan għandu s-67 l-aktar militar b’saħħtu fid-dinja skont il-GlobalFirepower.com.

Għalkemm din il-kapaċita hi ‘l bogħod ħafna mil-livell tas-super-potenzi, esperti dwar id-difiża jaqblu li l-qawwiet Ġordaniżi kapaċi jikkonfrontaw b’suċċess il-ġellieda pjuttost ‘indixxiplinati’ tal-grupp ISIS, li huma mferrxin ma’ ħafna territorju.

Il-militar tal-Ġordan għandu mal-110,700 membry attiv, minbarra 65,000 qawwiet ta’ riserva, 1,321 tankijiet tal-gwerra u 4,600 vettura armata. Il-qawwiet tal-ajru ta’ dan il-pajjiż jinkorporaw 246 ajruplani, fosthom 74 fighter-jet u 24 ‘attack helicopters’. Fl-istess ħin, il-Ġordan — pajjiż ta’ sitt miljuni — għandu baġit għad-difiża ekwivalenti għal 1.5 biljun dollaru Amerikan.

Hu minnu wkoll li l-Ġordan jista’ jiddependi fuq pajjiżi oħra għall-appoġġ. Dawn jinkludu l-Istati Uniti, diversi pajjiżi tal-Golf Għarbi li huma sinjuri fiż-żejt u – possibbilment – il-Ġappun, li għadu kemm tilef żewġ ċittadini li spiċċaw ostaġġi u, aktar tard, vittmi tat-terroristi tal-ISIS.

Abdullah II sar ir-Re tal-Ġordan fi Frar tal-1999 wara l-mewt ta’ missieru, ir-Re Hussein.

L-istess Abdullah, li attenda l-iskola fil-Ġordan u fil-Punent, għandu esperjenza militari estensiva. Hu għamel żmien jistudja fl-Iskola ta’ St Edmund’s (f’Hindhead), fl-Ingilterra u ‘l quddiem kompla bl-istudji tiegħu fl-iskola ta’ Eaglebrook u l-Akkademja ta’ Deerfield, f’Massachusetts, fl-Istati Uniti.

Fl-1980, Abdullah issieħeb mar-Royal Military Academy ta’ Sandhurst u kiseb il-grad ta’ Logutenent mal-Armata Britannika. Sentejn wara, Abdullah spiċċa kors ta’ sena fl-affarijiet li jikkonċernaw il-Lvant Nofsani fil-Kulleġġ ta’ Pembroke, f’Oxford u, fl-1987, attenda l-Edmund A. Walsh School of Foreign Service tal-Universita ta’ Georgetown, fl-Istati Uniti.

Fl-1993, Abdullah II sar il-kap-kmandant tal-qawwiet speċjali tal-Ġordan u ħames snin wara laħaq il-grad ta’ Maġġur-Ġeneral.