Il-Prim Ministru ta’ Ġorġja, Irakli Garibashvili, ħareġ l-istruzzjonijiet lill-Viċi-Prim Ministri tiegħu biex jibdew in-negozjati mal-kumpannija taż-żejt SOCAR, tal-Azerbaijan, bl-iskop li pajjiżhom ma jħallasx it-tariffi ogħla għall-gass naturali.
Dan meta, mill-1 ta’ Marzu, se jogħla l-prezz tal-gass naturali għall-entitajiet legali fi Tbilisi, bir-rata tkun ta’ 0.9 GEL (l-ekwivalenti ta’0.45 ċenteżmu) għal kull metru kubu.
L-informazzjoni ngħatat mill-kumpannija KazTransGas-Tbilisi, ibbażata fil-kapitali ta’ Ġorġja u li, fost oħrajn, tieħu ħsieb id-distribuzzjoni tal-gass.
Skont l-informazzjoni, iż-żieda f’din ir-rata hi assoċjata mal-bidla sinifikanti fir-rata tal-GEL fil-konfront tad-dollaru.
Intant, Garibashvili tkellem waqt laqgħa tal-Gvern u sostna li pajjiżu jeħtieġ isib il-mezzi biex jevita ż-żidiet fil-prezz tal-gass – almenu f’dan l-istadju.
Hu sostna li pajjiżu kellu kuntatti mar-rappreżentanti tas-SOCAR li huma lesti biex jinnegozjaw dwar is-suġġett. Dan meta ż-żewġ Viċi-Prim Ministri u l-Kunsill Ekonomiku ta’ Ġorġja se jkunu involuti fil-proċess tan-negozjati għan-nom ta’ Garibashvili, u fejn qed jittamaw li jsolvu l-kwistjoni fl-anqas żmien possibbli.
L-Azerbaijan jipprovdi ‘l fuq minn 80 fil-mija tal-gass li qed tuża r-Repubblika ta’ Ġorġja.
//= $special ?>