Lokali

Il-GWU qed iddaħħal flus mill-Gvern billi tikser kuntratt tagħha stess

Il-General Workers’ Union qed tikser kuntratt li ffirmat hi stess fl-1997 biex iddaħħal il-flus mill-Gvern, billi tikri binja tagħha maġenb il-Kwartieri Ġenerali lill-ARMS; l-entita’ tal-Gvern li toħroġ il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-binja stess, ix-Shadow Minister tad-Drittijiet taċ-Ċittadin, il-Ġustizzja u d-Demokrazija Jason Azzopardi żvela kif qed jinkiser kuntratt li kien iffirmat bejn il-Gvern, dakinhar Laburista, u l-General Workers’ Union, li jimpedi lill-istess Union milli tikri jew tbiegħ il-propjeta’ tagħha lil kwalunkwè kumpanija jew entità li m’għandhiex il-maġġoranza tax-shareholding tagħha.

Imma minn Mistoqsija Parlamentari li saret mill-istess Jason Azzopardi ħareġ li l-General Workers’ Union m’għandha l-ebda shareholding fl-ARMS, għaliex l-azzjonisti huma biss l-Enemalta plc u l-Water Services Corporation.

Fid-dawl ta’ dan il-każ, u oħrajn li ħarġu fil-midja fl-aħħar jiem, Jason Azzopardi qajjem dubji dwar il-fatt li l-GWU mhux qed taqbeż għad-drittijiet tal-ħaddiema tal-Enemalta, imma minflok qed tiddefendi d-deċiżjonijiet tal-Gvern li jordna transfers u jbiddel it-take home pay tal-Enemalta.

Minbarra dan il-bini, il-GWU qed iddaħħal ukoll madwar miljun ewro fis-sena għal kirja ta’ bini lil Transport Malta fil-Marsa. Dan filwaqt li l-istess GWU tefgħet l-offerti tagħha biex tkun tista’ tiżviluppa l-Yacht Marina ta’ Sa Maison.

Jason Azzopardi semmà wkoll li l-GWU għandha kunflitt ta’ interess kbir, hekk kif il-Kontrullur Finanzjarju tagħha, Robert Borg, hu wkoll id-Direttur tal-ARMS li qed tikri l-bini tal-Belt mill-istess Union, u Company Secretary ta’ Transport Malta, li qed tikri l-bini tal-Marsa mill-istess Union.

Għalhekk Jason Azzopardi appella lill-GWU biex tikxef l-interess tagħha u tippublika minnufih il-ftehim li għandha mal-Gvern dwar il-kiri tal-bini fil-Belt Valletta lill-kumpanija ARMS. Staqsa x’kienet il-pożizzjoni tad-Dipartiment tal-Artijiet dwar il-ksur ta’ dan il-kuntratt, u għalfejn Joseph Muscat awtorizza l-ksur ta’ dan il-kuntratt pubbliku li ġie approvat mill-Parlament.