Internazzjonali Mużika

Il-kantant Gary Glitter jista’ jmut il-ħabs

Il-kantant Gary Glitter (ismu proprju hu Paul Gadd) qed jiffaċċja l-prospett li jmut il-ħabs. Dan meta l-pulizija żvelaw li dak li kien stilla tal-glam rock tas-snin sebgħin jista’ jiffaċċja aktar akkużi wara li spiċċa kkundannat dwar l-abbuż sesswali ta’ tliet tfajliet taħt l-età.

Spiċċa kkundannat dwar l-abbuż sesswali ta’ tliet tfajliet taħt l-età

Glitter, li hu mfisser bħala ‘aggressur sesswali vvizzjat’, hu r-raba’ isem ċelebri li saret il-ġustizzja miegħu bħala parti minn ‘Operation Yewtree’ – l-investigazzjoni tal-pulizija rigward l-aġir tal-pedofeli fir-Renju Unit li ilha għaddejja mindu feġġ l-iskandlu tal-personalità u eks-DJ, Jimmy Saville.
Intant, il-kantant ta’ 70 sena kien ikkundannat dwar attentat ta’ stupru, aggrediment bi skop indiċenti u almenu każ li fih kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tifla li għandha inqas minn 13-il sena.
Kien ikkonfermat ukoll li l-iżgħar vittma tiegħu kellha għaxar snin biss, u l-pulizija qed jinvestigaw aktar informazzjoni dwar abbużi simili konnessi mal-kantant. Il-pulizija, issa, indikaw li jistgħu jitressqu akkużi ġodda fil-konfront tal-kantant, meta l-Qorti ta’ Southwark (li għaddiet il-verdett tal-Ħamis) ma kinitx infurmata li Gary Glitter diġà skonta l-ħabs fil-Vjetnam għal atti indiċenti fil-konfront tal-minorenni.