Kunsilli Lokali Lokali

Il-Liġi dwar trattament għal persuni fil-vizzju tad-droga mistennija tidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin

Drogi varji - ritratt mill-arkivji

Il-Liġi dwar trattament u mhux priġunerija għal persuni fil-vizzju tad-droga mistennija tidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin. Dan hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Liġi kienet approvata unanimament mill-Parlament.

Dettalji dwar din il-Liġi u kif se jinbidlu ċ-ċirkostanzi ta’ persuni li jbatu mill-vizzju tad-droga ngħataw mill-Ministru tal-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt konferenza organizzata mill-Kunsill Lokali tas-Swieqi.

Owen Bonnici qal li f’każi ta’ pussess ta’ droga ta’ anqas minn 2g jew 3.5g fil-kaz ta’ kannabis, l-akkużat jidher quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja Vicki Scicluna, li hi Social Worker li taf il-qasam sew.

F’każ tat-tieni ħtija fi żmien sentejn, il-persuna tidher quddiem Bord apposta biex jgħin lill-persuna toħroġ mill-vizzju. Dan se jkun magħmul minn Imħallef jew Maġistrat Irtirat u tliet Esperti nominati mill-Ministeri tal-Intern, tas-Saħħa u tal-Politika Soċjali. Il-Ministru Bonnici saħaq li min ma jikkoperax u ma jurix rieda li jegħleb il-vizzju, jispiċċa l-Qorti.

Il-possibbiltà li wieħed jevita sentenza ta’ priġunerija tista’ tingħata wkoll lil min jinqabad b’pussess aggravat jew traffikar żgħir ta’ droga, li ma jkunx aktar minn 300g. Hawn, il-persuna trid tagħti prova li t-traffikar qed isir biex jiffinanzja l-vizzju u mhux għal gwadann ta’ flus. Dawn il-konċessjonijiet ma japplikawx jekk ikun sar serq aggravat bi vjolenza, traffikar f’postijiet frekwentati miż-żgħażagħ u traffikar fil-Ħabs ta’ Kordin.

Il-Ministru Owen Bonnici faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tas-Swieqi, immexxi mis-Sindku Noel Muscat, li mar lil hinn mill-obbligi tiegħu bil-Liġi u kien attiv ukoll fil-qasam soċjali.