Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) qed tinsisti li jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema fi ħdan l-Fondazzjoni ta’ Servizzi Edukattivi tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Fi stqarrija, il-UĦM qalet li hi mħassba bil-fatt li qed jinbidlu ħafna ħaddiema fi ħdan l-FES u għalhekk qed tinsisti li xogħol li jsir minn dawn il-ħaddiema hu xogħol sensittiv u l-bdil tal-ħaddiema ma jagħmilx tajjeb għat-tfal li jużaw is-servizzi u għall-ġenituri u l-ħaddiema nfushom.
Il-UĦM qalet li t-Taqsima Edukazzjoni u Kura fi ħdanha kellha, u qed ikollha, diversi laqgħat mal-management biex tara li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema jiġu ndirizzati u jiġu riflessi f’paga aħjar. Dan, sostniet il-union, minħabba l-fatt li ż-żieda fis-servizzi ġodda tal-FES kompliet tkabbar ir-responsabbiltà fuq il-ħaddiema, għalhekk ix-xogħol li jagħmlu għandu jkun rikonoxxut b’għożża u b’kundizzjonijiet u paga aħjar.
Il-UĦM sellmet lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-FES għax qed jagħtu s-servizz tagħhom ta’ kuljum b’tant dedikazzjoni.
//= $special ?>