Internazzjonali

Iqumu mir-raqda ‘fil-morsa tas-serp’…

Il-proprjetarju ta’ ħanut li jbiegħ ir-rettili fil-Kanada spiċċa arrestat, aktar minn sena wara li s-serp tiegħu — tat-tip African Rock Python — ħarab u qatel żewġ subien ta’ erba’ u sitt snin.

L-avukat tal-arrestat, Jean-Claude Savoie, ikkonferma li l-klijent tiegħu qed jinżamm mill-pulizija u li l-awtoritajiet għad iridu jressqu l-akkużi speċifiċi. Fil-Kanada, hi normali li persuna suspettata dwar reat iddum biss 24 siegħa taħt arrest f’każi fejn ma tiffaċċjax akkuża ċara.

It-traġedja inkwistjoni tmur lura għall-5 ta’ Awwissu tal-2013, meta s-serp, li hu twil 14 il-pied, ħarab mill-enclosure tiegħu fil-ħanut u għadda minn ġo xaft tal-ventilazzjoni fil-bini.

Intant, is-serp kellu jispiċċa fl-appartament tas-sid li jinsab eżatt fuq il-ħanut bl-isem ‘Reptile Shop, fl-inħawi ta’ Campbellton, fi New Brunswick — u fejn inzertaw reqdin iż-żewġ subien ta’ ħabib kbir tas-sid li kienu ftehmu għal ‘sleepover’. Mifhum li s-serp, imbagħad, ħareġ mix-xaft u waqa’ direttament għal fuq is-subien, fejn għfashom miegħu, b’konsegwenzi fatali.

Illum l-avukat ta’ Savoie qed jgħid li l-arrest tal-klijent tiegħu ma seħħitx b’sorpriża, meta wieħed jikkunsidra li l-investigazzjoni damet għaddejja għal sena.