Lokali

Is-sitwazzjoni tat-traffiku l-ikbar uġiegħ ta’ ras għall-operatur tat-trasport pubbliku

Felipe Cosmen, li jmexxi l-kumpanija Malta Public Transport Service f’isem il-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon, stqarr ma’ ġurnal lokali li l-ikbar uġiegħ ta’ ras għall-operatur tat-trasport pubbliku hi s-sitwazzjoni tat-traffiku fil-pajjiż, li, fi kliemu, qed tmur għall-agħar.

Waqt li wiegħed iktar karozzi tal-linja li jkunu lesti li jidħlu fis-servizz biex jilqgħu għall-problemi ta’ kuljum, fosthom inċidenti u toroq magħluqa, Cosmen stqarr li biex wieħed isolvi l-problemi ta’ kuljum tat-traffiku jrid ħafna iktar milli iżjed karozzi tal-linja.

Fost il-bidliet li l-kumpanija Spanjola qed tissuġġerixxi hemm bidliet żgħar fir-rotot, li jiżdiedu l-kareġġjati għall-karozzi tal-linja fit-toroq Maltin, u li jħeġġu l-użu ta’ cards elettroniċi biex inaqqsu mill-ħin li karozzi tal-linja jieqfu fuq il-bus stops.

Mat-Times Cosmen semma’ żewġ prijoritajiet oħra għall-kumpanija, li jagħtu iktar taħriġ lix-xufiera tal-karozzi tal-linja u li jżidu 142 karozza tal-linja li se jaslu sa Ottubru mill-fabbrika fit-Turkija Autocar. Spjega li l-kumpanija għandha esperjenza pożittiva fi Spanja bl-użu tal-karozzi tal-linja Autocar mill-2011, u għalhekk qed jinvestu f’dawn il-vetturi minħabba li l-klima Spanjola hi simili ħafna għal dik ta’ Malta.

Fl-istess ħin, il-kumpanija se tkun qed tirranġa l-karozzi tal-linja King Long li kienu ġew Malta miċ-Ċina, u li wara kważi erba’ snin ta’ użu ma jinsabux fl-aħjar kundizzjoni tagħhom, iżda qed taħseb biex ’il quddiem tibdilhom.