Lokali

Is-sorpriża ta’ kontroversja bla bżonn

Segwejt mill-qrib ħafna l-kontroversja bla bżonn li nħolqot dwar ir-rilokazzjoni tal-bejjiegħa tal-Monti għal Triq l-Ordinanza fil-Belt Valletta.

Bla dubju ta’ xejn li din m’hix it-triq ideali biex jarmaw fiha l-bejjiegħa tal-Monti. Id-daħla tal-Belt Valletta, aktar u aktar wara l-mitt miljun ewro f’investiment li sar fiha biex mhux biss tissebbaħ id-daħla tal-Belt, imma tkun ri-ġenerata l-Belt Valletta fit-totalità tagħha, żgur li jixirqilha ħafna aħjar.

Ma jagħmilx sens li tibni Parlament ġdid li tipprova tagħti l-ħajja lit-Teatru l-Imwaqqa’ u mbagħad biswithom tpoġġi t-tilari tal-bejjiegħa tal-Monti.

Ħadt gost nara kritika lill-Gvern minn kull sfera tal-ħajja. Is-sens komun hekk kien jitlob li jsir la fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern m’għandux sens komun! Għax ma nistax nifhem kif il-Gvern jibqa’ jwebbes rasu fuq tali deċiżjoni meta kulħadd qed jgħidlu l-istess ħaġa – qed tagħmel żball oħxon li tibqa’ ostinat li lill-bejjiegħa tal-Monti tirrilokahom fi Triq l-Ordinanza.

Joseph Muscat, illum Prim Ministru, qabel l-elezzjoni ta’ 22 xahar ilu kien jipproġetta ruħu bħala bniedem li jisma’ u jagħti każ il-polz tal-Maltin. Din l-esperjenza li segwejt mill-qrib qed turini li dan m’hux minnu. Għax kieku Joseph Muscat mill-ewwel ta widen u fetaħ negozjati ġodda mal-partijiet dwar fejn jistgħu jkunu akkomodati.

Tal-Monti jbatu u ħaqqhom sostenn
Il-bejjiegħa tal-Monti u ta’ kull suq ieħor fil-gżejjer Maltin m’għandhomx xogħol faċli. Xemx u xita, maltemp u mhux, sħana u bard… dejjem iridu jbakkru u jerħula lejn fejn se jkunu se jarmaw.

Mhux ħajja għall-wita’. U tajjeb li min ikun imexxi l-pajjiż jagħraf dan l-impenn u din it-tbatija li jħabbtu wiċċha magħha dawn il-bejjiegħa.

F’dawn il-jiem kellimt lil uħud minn dawn il-bejjiegħa u fissruli kif ġieli jiġu ġimgħat meta flok idaħħlu, joħorġu minn ġewwa. Mhux talli ma jaqilgħux l-għajxien deċenti mistenni, iżda talli jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex ibiegħu. Anki għax il-kompetizzjoni żdiedet sew.

Jiġifieri dak li qiegħed jgħid kulħadd b’sens komun minbarra l-Gvern li tal-Monti m’għandhomx jarmaw fi Triq l-Ordinanza bl-ebda mod m’għandu bl-ebda mod ikun interpretata li hawn min hu kontra l-bejjiegħa tal-Monti.

Dawn il-bejjiegħa għandhom ikunu mgħejjuna jaqilgħu l-għajxien tagħhom anki billi jinstabilhom post fil-Belt Valletta stess li jkun faċilment milħuq minn dawk kollha li jidħlu l-Belt. Naturalment mhux fid-daħla tal-Belt kif qed jgħid li se jagħmel il-Gvern. Imma f’post deċenti ieħor li iżda xorta waħda jintlaħaq b’faċilità min-nies u t-turisti.

L-ewwel l-interess tal-pajjiż
Il-maturità politika titlob li lil hinn mill-partiġjaniżmu u ta’ x’jaqbel lill-partit, l-ewwel interessi veru li għandhom ikunu mħarsa huma proprju dawk li jirrigwardaw lil pajjiż.

Biex Joseph Muscat u l-Gvern Laburista qed ikomplu jwebbsu rashom dwar ir-rilokazzjoni tal-Monti lejn Triq l-Ordinanza, meta prattikament jeżisti kor wieħed unanimu kontra ħaġa bħal din, allura jkolli nibda nissuspetta f’affarijiet oħra.

Forsi f’xi wegħdiet li l-Partit Laburista u Joseph Muscat għamlu lil xi terzi qabel l-Elezzjoni ta’ 22 xahar ilu! Madankollu irrispettivament minn kull wegħda li setgħet saret qabel l-aħħar Elezzjoni, Joseph Muscat illum irid jifhem li hu l-Prim Ministru ta’ Malta kollha u għalhekk irid jaġixxi skont il-veru interessi tal-pajjiż u tal-Maltin.

Il-Belt Kapitali ta’ pajjiżna jixirqilha l-aqwa u l-aħjar. Biswit il-bini l-ġdid tal-Parlament u t-Teatru Mwaqqa’ fid-daħla tal-Belt Valletta jixirqu biss inzjattivi ta’ kultura u eleganza.