Lokali Parlament

It-taxxi qed jolqtu diversi setturi tal-ekonomija

L-Oppożizzjoni mhix kuntenta bir-roadmap li qal u jibqa’ jgħid li għandu l-Gvern

L-Oppożizzjoni mhix kuntenta bir-roadmap li qal u li jibqa’ jgħid li għandu dan il-Gvern meta nafu li l-miżuri li l-Gvern introduċa fil-Baġit għal din is-sena, daħħal numru ta’ taxxi li laqtu diversi setturi tal-ekonomija tagħna u wkoll lill-familji, u ta biss żieda ta’ 58ċ.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo, Kelliem għan-Negozji Żgħar, Manifattura, Kummerċ, Self-Employed u Koperattivi, tkellem fil-Parlament dwar dan id-diżappunt ta’ dan il-Gvern fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta miżuri tal-estimi tal-Baġit.

Staqsa l-Gvern jispjega kif, jekk konna sejrin daqshekk tajjeb, kienx hemm bżonn li l-Gvern jagħmel taxxi ġodda bħalma kien fil-każ tas-swimming pools, fuq il-prezz tal-inbid, żieda fis-sisa tal-mobiles, sisa ogħla fuq is-siment, żieda fil-poloz tal-assigurazzjoni, taxxa ġdda fuq il-krenijiet u fuq l-ikel għall-fish farms, u miżati ogħla fuq is-servizzi mid-dipartiment tal-gvern. Hemm ukoll li s-self employed bi dħul baxx, se jkollhom xorta jirreġstraw għall-VAT.

Dwar is-suq tax-xogħol, qal li ż-żieda ta’ 4,000 impjieg fis-settur pubbliku jfisser mitt miljun aktar fi spiża ta’ salarji aktar fis-sena. U dan meta x-xejra fl-Ewropa hi li s-settur pubbliku jnaqqas l-impjiegi u mhux iżidhom.
M’hemmx affarijiet lanqas sbieħ fir-retail trade kif ikkonfermat ukoll dan l-aħħar il-GRTU.

Dwar il-prezzijiet tal-fuel, Robert Arrigo qal li hu l-poplu li qiegħed jilmenta dwar dawn il-prezzijiet u staqsa kif il-Gvern inaqqas din is-sena l-kontijiet għall-industrija, u xorta l-industrija mhix se tkun kompetittiva bil-prezzijiet aktar li qed tħallas fil-fuel. Semma wkoll kif il-produzzjoni f’pajjiżna wkoll hi nieżla.

Spjega li filwaqt li pajjiżna mexa pass, pajjiżi oħrajn imxew tnejn u tlieta meta wieħed iqis il-prezzijiet li l-industrija f’pajjiżna qed tħallas għall-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

Appella lill-Gvern biex ma jippolitiċizzax il-kwistjoni tal-prezzijiet tal-fuel għaliex huma ħafna li qed iħossu dan il-piż meta Malta għad għandha l-ogħla prezzijiet kif juri wkoll is-sit energy.com.

Awgura li l-ekonomija tikber u l-poplu jkollu x-xogħol u paga tajba, u li tagħmel ġieħ lil kull ħaddiem. Biex l-ekonomija tikber, l-Oppożizzjoni lesta tkun mal-Gvern. Anke biex jorħsu l-prezzijiet tal-fuel u hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed tinsiti mal-Gvern biex iwieġeb u jispjega.

Tkellem ukoll dwar it-taxxa tal-proprjetà u l-mod kif dan il-Gvern bidel din it-taxxa b’mod li issa anke jekk ikun hemm telf f’bejgħ ta’ proprjetà, wieħed se jkollu jħallas it-taxxa.

Tkellem ukoll dwar il-piż li ntefa b’taxxi fuq it-trakkijiet, u qal li huma ħafna li ma jifilħux għal dan il-piż, u dawn għandhom jitneħħew għaliex l-ispejjeż se jgħaddu lill-konsumatur.

Irrifera wkoll għall-kwistjoni tal-monti qrib is-sit tal-bini tal-Parlament u d-Daħla tal-belt kapitali, u qal li lil hinn minn wegħdi li setgħu saru mill-Partit Laburista, il-Gvern irid ikun ċar u trasparenti f’dak li qiegħed jgħid u jagħmel. Esprima t-tama li l-Gvern mhux qiegħed ikun influwenzat minn xi persuna qrib ħafna tal-Partit Laburista.