Lokali

Kundanna għall-attakki vjolenti fuq uffiċjali pubbliċi

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-inċident li fih indarab b’mod gravi kuntistabbli tal-Pulizija fl-Għassa tal-Pulizija fil-Marsa.

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, qal li ilu jinnota li l-inċidenti u l-vjolenza fuq membri tal-Korp tal-Pulizija kienu qed jiżdiedu u li dawn kien hemm bżonn li jkollhom aktar protezzjoni. L-Oppożizizzjoni qalet li kien għalhekk li f’Ġunju tas-sena li għaddiet ressqet emendi għal-liġi biex jiħraxu l-pieni għal min jagredixxi uffiċjali pubbliċi, fosthom il-pulizija. Dawn l-emendi, imbagħad, daħlu fis-seħħ is-sena li għaddiet stess.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami qal li s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrali lbieraħ tirrifletti l-gravità tal-każ waqt li tenna li jispera li din tkun ta’ deterrent għal min, fil-futur, għandu l-ħsieb li jkun vjolenti fuq pulizija jew uffiċjali pubbliċi oħra.

Beppe Fenech Adami tenna li l-pulizija huma ħaddiema, bħall-ħaddiema l-oħra kollha fil-pajjiż, li ta’ kuljum jissugraw ħajjithom biex jipproteġu ċ-ċittadini, u li jaraw li l-liġijiet fil-pajjiż jiġu osservati. Saħaq li hu għalhekk li dawn l-uffiċjali għandhom jiġu protetti b’kull mod.

Waqt li awgurat fejqan ta’ malajr lill-kuntistabbli li kien involut fl-inċident, l-Oppożizzjoni rringrazzjat lill-membri tal-korpi dixxiplinati kollha li permezz tax-xogħol imprezzabbli u indispensabbli tagħhom, jipproteġu lis-soċjetà, ħafna drabi anke b’sogru għal ħajjithom.