Lokali Qorti

L-ex xufier ta’ Mallia: Fil-ħin tal-ispezzjoni fuq il-karozza ta’ Smith xi ħadd ċaqlaq il-karozza tal-Ministru

Fil-ħin li kienet qed issir spezzjoni fuq il-karozza Vauxhall Insigna ta’ Stephen Smith, xi ħadd ċaqlaq il-karozza Mercedes tal-ex Ministru Manwel Mallia. Fil-fatt x’ħin żewġ kuntistabbli tal-Pulizija marru fuq il-post fejn l-iskate park fi Triq Reġjonali, huma sabu ż-żewġ karozza paralleli. It-traffiku ma setax jgħaddi peress li l-karozzi kienu qegħdin fuq iż-żewġ kareġġjati, imma f’ħin minnhom xi ħadd ċaqlaq il-Mercedes u l-karozzi bdew jimxu. Iż-żewġ Pulizija li kienu fil-post ma jafux min ċaqlaq il-karozza.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Kuntistabbli Reuben Zammit u Glenn Calleja li qalu li huma kienu qed jispezzjonaw il-karozza ta’ Smith u qabel ma għamlu l-ispezzjoni, il-Mercedes kienet maġenb il-Vauxhall, iżda kif lestew skoprew li t-traffiku ma baqax imwaħħal u l-Mercedes spiċċat quddiem.

Tard illum waranofsinhar, quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, kompliet il-kumpilazzjoni tal-Kuntistabbli Paul Sheehan, l-eks xufier tal-ex Ministru Manuel Mallia, li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil tal-Iskoċċiż Stephen Smith fid-19 ta’ Novembru li għadda.

L-ewwel xhud kien il-Kuntistabbli Clifford Frendo, stazzjonat fil-garaxx tal-Pulizija, li qal li għall-ħabta tad-9.00pm tal-jum tal-inċident, irċieva telefonata mingħand l-“Orderly” li qallu biex fuq ordni tal-ex Aġent Kummissarju Raymond Zammit, jieħu tow truck biex jgħabbi karozza li kienet involuta f’inċident taħt il-mini ma’ karozza ta’ Ministru.

Frendo qal li kif wasal fuq il-post kien hemm l-Ispettur Gabriel Micallef li offra li jgħinu, u dan daħal fil-karozza u saqha fuq il-low loader. Ftit wara, wasal Surġent tal-Pulizija li nfurmahom li s-Supretendent Alexandra Mamo kienet tat ordni biex ħadd ma jmiss xejn.

Fix-xhieda tiegħu,il-Kuntistabbli Reuben Zammit qal li meta mar fuq il-post kien hemm il-karozza Insigna, bil-bieba tax-xufier miftuħa, u Smith kien mal-art fejn il-bieba u ma kienx jiċċaqlaq tant li ħasbuh midrub. Qal li kienu arrestaw lil Smith li kellu wkoll riħa ta’ xorb qawwija fuqu.

Zammit qal li mar fejn Sheehan, u talbu biex jagħtih l-arma tas-servizz. Qal li din ma kienet safe xejn u kienet ippakjata bil-bullets fil-magazin. Fil-fatt, kif huwa ċċekkja, ħarġet bullet minnha. Qal li minkejja li l-arma kienet waħda awtomatika, hemm proċess biex wieħed jagħmilha safe u qal li dan il-proċess kellu jsir. Ix-xhud qal ukoll li meta hu u sieħbu marru fuq il-post sabu, l-karozza Insigna fuq il-low loader. Kien hemm ukoll ħafna uffiċjali tal-Pulizija u li fil-karozza ta’ Smith sabu flixkun tal-birra Heineken.

Kompla jgħid li Sheehan kien qalilhom li Smith laqtalu l-karozza tal-Ministru u li kien ħareġ għalih bil-flixkun tal-birra, u kien għalhekk li tah żewġ tiri.

Il-Kuntistabbli Matthew Sammut ukoll sostna li ma jistax jifhem kif il-Mercedes spiċċat quddiem il-Vauxhall Insigna qabel din tpoġġiet fuq il-low loader.

Paul Sheehan qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Għalih qegħdin jidhru l-Avukati Lucio Sciriha u Edward Gatt. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Alexandra Mamo u mill-Ispettur Saviour Baldacchino.