Internazzjonali

L-ISIS iwissi lil Belġju

Intbagħat messaġġ lill-ġurnal Belġjan ‘Het Laatste Nieuws’ indirizzat lir-Re Filippu tal-Belġju u fih jintqal li l-Belġju kien fil-mira tal-ISIS u kienu se jsiru xi attentati.
L-ittra qalet li l-attakki se jsiru bi tpattija għal estremisti Iżlamiċi li qed jgħaddu proċess il-qorti bħalissa fil-pajjiż b’rabta ma’ terroriżmu. B’kollox, 46 persuna qed jgħaddu proċess f’Antwerp b’rabta mal-militanti Iżlamiċi. Dawn kienu kollha membri tax- Sharia4Belgium, grupp li ried li fil-Belġju jkun hemm il-liġi Iżlamika tax-Sharia.
It-theddida saret hekk kif il-livell ta’ allert fil-Belġju jinsab fuq it-tieni l-ogħla livell.
F’Jannar aktar minn għaxar persuni kienu arrestati b’rabta mat-terroriżmu wara l-attakki li kien hemm f’Pariġi. Dan wara indikazzjoni li fil-Belġju wkoll attakk terroristiku kien imminenti.