Ċifri li ħarġu lbiraħtlula mill-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika (il-Eurostat) reġgħu – kif għamlu ripetutament tul l-aħħar sentejn – poġġew lil Malta ma’ tal-aħħar fl-Ewropa kollha għal dak li hu bejgħ mill-ħwienet.
Tliet pajjiżi biss naqqsu l-bejgħ fix-xahar tal-Milied, fosthom Malta
F’Diċembru li għadda, fix-xahar tal-Milied, il-pajjiżi kollha tal-Ewropa żiedu l-bejgħ fil-ħwienet tagħhom ħlief għal tlieta li naqqsuh, u Malta hi fost dawn it-tlieta bi tnaqqis fil-bejgħ ta’ 1.4 fil-mija fuq Diċembru tas-sena ta’ qabel.
Xejra konsistenti tista’ tgħid kull xahar, imma għal Edward Scicluna ‘fażulli’
Din ma kinetx xejra ta’ darba. Tista’ tgħid kull xahar, iċ-ċifri tal-Eurostat qed juru lill-ħwienet Maltin inaqqsu l-bejgħ. Imma l-Ministru tal-Finanzi ħsiebu biex jgħid li dawn huma xi ċifri fażulli kif jgħid għal kull ċifra li ma togħġbux.
Il-konsumatur seta’ kellu nifs fi prezzijiet sostanzjalment orħos tal-fuels…
In-nuqqas ta’ bejgħ fil-ħwienet għandu ħafna fatturi jikkawżawh imma seta’ kellu soluzzjoni importanti li fil-fatt rawha ħafna pajjiżi: it-tnaqqis drastiku li seħħ barra minn Malta fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel. F’Malta, imma, il-Gvern baqa’ jisraqna.
…imma l-Gvern Laburista baqa’ jisraqna 10 ewro f’kull 30
Meta nagħtu 30 ewro petrol jew diesel lill-karozza, il-Gvern qed jisraqna 10 ewro. Dan ifisser li seta’ kellna 10 ewro oħra f’idejna x’nonfqu xi mkien ieħor. Hekk fil-fatt ġara fil-pajjiżi l-oħrajn tal-Ewropa li, ħlief għal tlieta, żiedu l-bejgħ f’Diċembru.
Muscat ipprotesta kontra fuels orħos mil-lum bil-prezz taż-żejt li kien id-doppju
Imma mhux f’Malta. Għax f’Malta taħt Joseph Muscat, il-prezzijiet tal-fuels baqgħu serqa fil-wiċċ. Ara meta Muscat erba’ snin ilu ħareġ in-nies jipprotestaw kontra l-prezzijiet tal-fuels, dawk il-prezzijiet kienu orħos mil-lum minkejja li l-prezz dinji taż-żejt dak iż-żmien kien id-doppju tal-lum.
Malta ma’ tal-aħħar fil-bejgħ…
U din hi raġuni fost diversi oħrajn li l-bejgħ fil-ħwienet qed ipoġġi lil Malta ma’ tal-aħħar fl-Ewropa. Illum il-prezz taż-żejt raħas bin-nofs fid-dinja imma l-prezzijiet tal-fuels f’Malta huma ogħla milli kienu meta Muscat ħareġ in-nies fit-toroq.
…imma tassew ma’ tal-ewwel fil-prezzijiet tal-fuels
Dan hu kontra l-wegħda ta’ Muscat li nkunu l-ewwel fl-Ewropa. Illum qegħdin ma’ tal-ewwel mill-aħħar fil-bejgħ, u ma’ tal-ewwel veru fil-prezzijiet għoljin tal-fuels minkejja l-pagi – u ż-żidiet miżeri – ukoll ma’ tal-aħħar fl-Ewropa.
//= $special ?>