Internazzjonali

Qalu li mietet Amerikana miżmuma mill-ISIS waqt ir-rejds tal-Ġordan

Qed ikunu investigati rapporti dwar il-qtil ta’ mara Amerikana f’idejn il-grupp ISIS wara l-attakki mill-qawwiet tal-ajru tal-Ġordan fuq it-territorju tas-Sirja okkupat mit-terroristi.

Rapport tal-ISIS, ippubblikat mis-SITE Intelligence Group, qal li l-‘ostaġġ’ mietet waqt attakk mill-qawwiet tal-Ġordan fuq l-inħawi ta’ Raqqa, li hi l-fortizza tal-ISIS fis-Sirja.

L-ISIS anki ċċirkolaw ir-ritratti tal-inħawi li allegatament sfaw attakkati iżda dawn għad iridu jkunu verifikati mis-sorsi indipendenti.

Il-Ġordan qal li, nhar il-Ħamis, wettaq l-ewwel ‘f’sensiela ta’ attakki mill-ajru’ kontra l-interessi tal-ISIS fis-Sirja u wara li ċċirkolaw il-filmati ta’ pilota Ġordaniż li nħaraq ħaj wara li nqabad mit-terroristi.

Sadanittant, ir-rapporti dwar ‘il-qtil tal-Amerikana’ fir-rejds tal-Ġordan ma kenux ikkonfermati mill-Istati Uniti.