Futbol Sport

Rimonta mill-aqwa minn Fgura

FGURA U. …………….. 4
LIJA A. …………………. 2

Fgura U – R. Marmara, Q. Bregman, R. Previ, J.M. Ruiz Perez, J. Bugeja, I. Curmi (A. Galea), J. Farrugia, A. Farrugia, P. Chircop (A. Williams), J. Dalli, J. Roland Emeka (M. Razak).
Lija A – J. Spiteri, P. Borg, M. Clinch, E. Beu, L. Casha, C. Frendo, P. Babic, B. Antignolo, K. Vella, A. Ige, M. Borg (I. McCarthy).
Referee – Jude Amin Utulu

Fgura United wettqu rimonta mill-aqwa biex dawru telfa f’rebħa f’ logħba li dehret mitlufa, u b’hekk kisbu l-11-il riżultat pożittiv konsekuttiv.

Lija kienu dominanti fl-ewwel siegħa u meritatament bnew vantaġġ doppju iżda bid-dħul ta’ Abeeb Williams, Fgura dawru l-andament tal-logħba u b’żewġ gowls fi spazju ta’ ħames minuti kisbu d-draw, u fl-aħħar minuti kien propju Williams li skorja doppjetta u tahom rebħa mpressjonanti.

L-ewwel tentattiv kien ta’ Antignolo bil-ballun imur għoli. Lija, li għalihom kien qed jirritorna l-Albaniż Erjon Beu, dehru aħjar fl-ewwel minuti u fis-17-il minuta resqu ferm qrib il-gowl tal-vantaġġ b’azzjoni mibdija minn Beu li qassam lejn Luca Casha li kien imċaħħad minn intervent mirakoluż tal-gowlkiper ta’ Fgura Marmara.

Fit-28 minuta Marmara wettaq save ieħor brillanti għal darb’oħra fuq konklużjoni ta’ Luca Casha wara kross ta’ Clinch. Erba’ minuti wara Michael Borg ipprova xortih mill-bogħod iżda x-xutt mar ftit għoli.

Fl-40 minuta azzjoni ta’ Erjon Beu li daħal fil-kaxxa u deher jaqa’ wara kuntatt ma’ Jonathan Bugeja, bir-referee ferm viċin l-azzjoni jordna l-penalty li minnu l-istess ERJON BEU skorja b’xutt fil-baxx. Ma kienx hemm reazzjoni minn Fgura u Lija reġgħu kienu perikolużi b’daqqa ta’ ras ta’ Ige.

Kif bdiet it-tieni taqsima Lija skorjaw it-tieni gowl. Kienet azzjoni mill-isbaħ mibdija minn Luca Casha li b’pass preċiż żmarka lil ADESHINA IGE li minn qagħda angolat b’xutt preċiż fil-baxx sab ir-rokna tax-xibka.

Fgura bdew iżidu fl-isforzi wara s-siegħa logħob u kienu perikolużi b’xutt ta’ Abeeb Williams salvat minn Spiteri. Mill-azzjoni ta’ korner ix-xutt ta’ Iro Curmi kien imblukkat minn Patrick Borg. Iżda Lija għal ftit ma skorjawx it-tielet gowl f’azzjoni ta’ kontrattakk bix-xutt ta’ Beu jħakkek ma’ sieq il-lasta.

Fil-71 minuta Fgura mill-ġdid fil-logħba b’xutt ta’ ROLAND EMEKAli kien salvat minn Spiteri iżda wara li l-ballun kien qabeż il-linja. Ħames minuti wara Fgura kisbu d-draw meta l-gowlkiper ta’ Lija salva kif seta’ daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Dalli u mir-rebound mill-viċin kien QUINCY BREGMAN li kompla ġewwa.

Fgura ma kienux kuntenti u kienu ppremjati minuta mit-tmiem meta ABEEB WILLIAMS għeleb lil Spiteri li kien ħierġ biex jagħlaq l-angolu. Fil-ħin miżjud reġa’ kien ABEEB WILLIAMS li ħarab lill-avversarji u għamilhom erbgħa b’xutt fil-baxx.