Lokali

Ritratti: Il-FĊN tagħlaq il-bibien?

Mhux ċar jekk il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (FĊN) għalqitx il-bibien darba għal dejjem … jew jekk sempliċiment il-Gvern nesiex iġedded is-sit elettronku tagħha! Għax min fis-sigħat li għaddew kien qed jipprova jaċċessa s-sit elettroniku tal-FĊN, beda jsib biss notifika li “This Account Has Been Suspended” (ritratt isfel).

Tfittxija sempliċi u pubblika fis-sit minfejn wieħed jista’ jirreġistra domains “.mt”, juri li d-domain irreġistrat mill-FĊN issa skada. Mhux magħruf jekk din il-website hux se terġa’ tkun aċċessibbli, iżda ħafna qed jaħsbu li l-Gvern Laburista iddedika biss sentejn għal ċelebrazzjonijiet li kellhom jgħaqqdu lill-pajjiż kollu.

Meta ħoloq il-FĊN, il-Gvern inkluda fost oħrajn lill-eks Kap Eżekuttiv tal-media Laburista Albert Marshall u anke membri oħrajn mit-tmexxija tal-media Laburista. It-tnedija tal-Fondazzjoni kienet saret b’ħafna pompi mill-Gvern, fosthom b’laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja.

Dakinhar tat-tnedija, il-Gvern kien qal fi stqarrija li kien qed iniedi l-FĊN minħabba li f’dawn il-ħames snin, pajjiżna se jkun qed jiċċelebra numru ta’ anniversarji storiċi importanti. Madankollu, wara biss sentejn, il-Gvern jidher li għalaq il-bibien tal-FĊN darba għal dejjem!

FCN Website Expired 2 060215