Ewropa

Roberta Metsola kandidata għall-MEP tas-Sena

L-Ewroparlamentari għal Malta u Għawdex Roberta Metsola, ġiet innominata għall-unur prestiġġjuż “l-Ewroparlamentari tas-Sena” għax-xogħol tagħha fil-qasam tal-ġustizzja u l-libertajiet ċivili fl-Ewropa.

Roberta Metsola hi waħda minn tliet Ewroparlamentari nominata għal dan il-premju, organizzat minn The Parliament Magazine, flimkien ma’ MEP mill-Ġermanja u mill-Polonja. Ir-riżultati jitħabbru fit-18 ta’ Marzu.

F’kumment dwar in-nomina tagħha, Roberta Metsola qal li ħa tipprova ma tagħtix wisq importanza lil dawn it-tip ta’ unuri u tkompli tiffoka fuq il-ħidma li għandha quddiemha, inkluż il-ħidma fl-interess tal-poplu f’Malta u f’Għawdex immaterjali jekk tirbaħx il-premju. Madankollu ddeskrivietu bħala unur għal Malta, għall-Partit Nazzjonalista u għaliha personalment li hi mal-finalisti. Qalet li hu dejjem ta’ soddisfazjon meta x-xogħol li wieħed ikun għamel jiġi apprezzat, u li tirċievi voti minn Ewroparlamentari oħra minn gruppi politiċi differenti.

Roberta Metsola ġiet eletta fl-2013 bħala waħda mill-ewwel Ewroparlamentari nisa Maltin wara li ħadet post Simon Busuttil fil-Parlament Ewropew. Ġiet eletta mill-ġdid fl-2014 bi kważi 33,000 vot.

Kienet eletta bħala l-Viċi Koordinatur għall-Partit Popolari Ewropew (PPE) fil-Kumitat tal-Ġustizzja, Intern u Libertajiet Ċivili. Hi l-Viċi-President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet, membru tal-Kumitat tas-Suq Intern u tal-Protezzjoni tal-Konsumatur u tifforma parti minn delegazzjoni li taħdem fuq ir-relazzjoni mal-Istati Uniti u delegazzjoni oħra għar-relazzjoni mal-Awstralja u New Zealand.

Fl-aħħar sena, Roberta Metsola ġiet appuntata bħala r-Rapporteur uffiċjali għall-Parlament Ewropew għal żewġ rapporti għall-Uffiċċju Ewropew għall-Ażil waqt li kienet involuta f’diversi dibattiti dwar it-terroriżmu, l-immigrazzjoni, il-Libja u temi oħra li jolqtu lill-Mediterran, kif ukoll temi li jolqtu lill-konsumatur, il-ħarsien tad-data, il-privatezza fuq l-internet u kampanji biex jitwaqqfu l-ħlasijiet tar-roaming għat-telefons ċellulari.

Hi wkoll ir-Rapporteur għall-Parlament Ewropew għal iktar rapporti dwar l-ażil u l-aġenzija tal-UE għall-ażil u ġiet appuntata bħala l-kelliema tal-PPE għar-rapport importanti tal-Parlament kontra d-diskriminazzjoni u l-omofobija. F’Novembru, flimkien ma’ kollegi oħra tagħha, Metsola bdiet il-mozzjoni konġunta għal riżoluzzjoni dwar il-25 anniversarju mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal.