Lokali Unjoni Ewropea

Roberta Metsola waħda mill-Finalisti għall-Premju tal-Aħjar MEP

Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola hi waħda mill-Finalisti għal Premju tal-Aħjar Membru Parlamentari Ewropew għax-xogħol li wettqet fl-2014 fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Libertajiet Ċivili. Il-Finalisti l-oħrajn f’din il-kategorija huma MEPs mill-Ġermanja u l-Polonja.

Wara l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew f’Mejju li għadda, Roberta Metsola bdiet isservi bħala d-Deputat Kordinatur f’isem il-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat dwar il-Ġustizzja, l-Intern u l-Libertajiet Ċivili. Fost oħrajn, hi wkoll il-Viċi President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet.

F’kumment dwar in-nomina tagħha għal dan il-Premju prestiġġjuż fil-Parlament Ewropew, il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista qalet li dan hu unur għal Malta, għall-Partit u anke għaliha personali. Madankollu, tippreferi tħares ‘il quddiem biex tiffoka aktar fuq il-ħidma tagħha.

Metsola sostniet li irrilevanti jekk tingħatax il-Premju jew le, hi se tkompli taħdem qatigħ fl-aħjar interessi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-Premju għall-Aħjar MEP hu organizzat mill-pubblikazzjoni tal-Unjoni Ewropea “The Parliament Magazine”, li jiffoka dwar il-ħidmiet tal-Parlament Ewropew. Il-votazzjoni tinżamm bejn l-MEPs kollha u r-riżultat jitħabbar fit-18 ta’ Marzu li ġej.

Roberta Metsola kienet eletta għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew fl-2013 biex tieħu l-post li ħalla Simon Busuttil fil-Parlament Ewropew meta sar Kap tal-Oppożizzjoni. Fl-elezzjoni ta’ sena wara, hi kienet eletta bi kważi 33,000 vot.