Lokali Qorti

Tkompli l-kumpilazzjoni tat-traġedja tal-ewwel tas-sena f’Għawdex

“Is-sewwieq tal-karozza kien qed isuq b’mod normali. Ma kienx qed isuq bil-mod imma lanqas b’xi veloċità eċċessiva. Fil-ħin tal-ħabta lanqas biss naf x’ġara u kull ma smajt kien ħoss kbir.” Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Miguel Camilleri, wieħed mill-passiġġieri fil-ħabta li seħħet fl-ewwel tas-sena f’Għawdex, u li wasslet biex tilef ħajtu Matthew Meilak ta’ 22 sena mis-Swieqi.

Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Terence Tanti, ta’ 22 sena minn San Ġwann, li qed jiġi mixli bil-qtil involontarju ta’ Matthew Meilak li kien riekeb fuq wara tal-karozza. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.00am fit-triq li tagħti min-Nadur għar-Rabat, fil-post magħruf bħala Ta’ Xħajma. Tanti qed jiġi mixli wkoll li kien qed isuq taħt l-influwenza tax-xorb.

Camilleri, li kellu idu tal-lemin fil-ġibs, qal li lil Terence Tanti jafu sew u hu ħabib tiegħu. Qal li mar Għawdex fil-31 Diċembru tal-2014. Iż-żgħażagħ ħarġu għal party fin-Nadur fin-nofsiegħa ta’ filgħodu u marru ma’ Zach Abela fejn kien hemm it-tfajla tiegħu, li hi Spanjola, Matthew Meilak u Alexander Scerri Herrera. Huma damu għall-party bejn erba’ u ħames sigħat.

Camilleri rrakkonta li ż-żgħażagħ telqu fit-3.30am u li hu kien riekeb fuq wara, iżda ma ftakarx eżatt fejn. Qal li sieħbu, Scerri Herrera, kien passiġġier fuq quddiem. Qal ukoll li, mill-mument tal-inċident, jiftakar li sema’ ħoss qawwi u ħassu muġugħ bid-daqqa. Irriżulta li għandu tliet fratturi f’idu. Qal li dam fil-karozza jistenna mhux ħażin u qagħad kokka wara is-seat tax-xufier, u ftit wara waslu dawk li qattgħu l-karozza li ħarġuh imbagħad ittieħed l-isptar.

Tenna li bejn xokk, uġiegħ u l-fatt li kien xorob ftit, ma tantx jiftakar eżatt x’kien seħħ. Kompla jgħid li ħaduh l-isptar, għamlulu intervent u ħarġulu l-ħġieġ minn idu. Wara erba sigħat ħaduh l-isptar Mater Dei, fejn wasal hemm għall-ħabta tal-10.30am.

Qal li hu sofra minn fratturi fil-ġemb tiegħu, żewġ kustilji miksura, problemi fil-pulmun u tiċrita fil-bużżieqa tal-awrina. Qal li fit-3 ta’ Jannar ġie operat f’idu u għamlulu pin u żewġ plates. Bħalissa qed ikompli għaddej bil-fiżjoterapija.

Ix-xhud qal li ma jafx min organizza l-party iżda kienu madwar 70 ruħ, żgur mhux aktar minn 100. Huwa qal li bilkemm ra lil Tanti fil-party għalkemm daħlu flimkien.

Xehed ukoll l-Ispettur Frank Tabone li qal li għall-ħabta tas-6.00am tal-ewwel tas-sena l-Ispettur Bernard Spiteri qallu li kien hemm ħabta fi triq li minn Nadur tagħti għar-Rabat fejn karozza Peugeot kienet daħlet f’arblu tad-dawl u wieħed mill-passiġieri kien miet.

Qal li hu mar l-isptar ta’ Għawdex fejn sab lill-Maġistrat Joanne Vella Cushcieri. Irriżultalu li x-xufier tal-karozza kien Terence Tanti. Qal li ttieħed kampjun tad-demm tal-akkużat għax kien hemm suspett li kien taħt l-effet tal-alkoħol. Tenna li Tanti kien rilaxxat mill-isptar fid-9.00am. Kellu xokk fuqu imma ma kellux ġrieħi u ttieħed l-għassa tal-Pulizija.

Ix-xhud qal li mar fuq il-post waqt l-aċċess, fejn kien hemm il-karozza bi ħsarat estensivi li kellha daqqa quddiem u fuq wara ħdejn il-bieba wara x-xufier. Ir-rota ta’ wara kienet maqlugħa u kien hemm diversi biċċiet tal-karozza mat-triq kollha u mal-arblu tal-dawl kien hemm fdalijiet umani.

L-Ispettur Tabone qal li meta kien fl-għassa, informa lill-akkużat li kien se jinżamm arrestat minħabba investigazzjoni li kienet għaddejja. Qal ukoll li xamm riħa ta’ alkoħol u informa lil Tanti li kien se jħalli ftit ħin jgħaddi minħabba l-qagħda tiegħu. Għall-11.20am għamillu l-breathalyser test li mmarka 13. Wara sar test ieħor għall-ħabta tas-1.50pm li mmarka clean u ddeċida li jibda jinterrogah.

Fil-Qorti ntqal li l-akkużat ikkonsulta mal-Prokutatur Legali Quinton Tanti, u ta stqarrija. L-għada ta stqarrija oħra. Sadanittant, l-esperta Maria Bonello nfurmatu li kellha kampjun tad-demm. Tenna li l-imputat ikkollabora, spjega l-inċident, u qal li kienu Għawdex jiċċelebraw l-ewwel tas-sena ma’ sħabhom għax kienu ġew mistiedna party f’farmhouse in-Nadur. Il-party kien ġie organizzat minn ċertu Zachary Cachia.

Cachia kkonferma li l-imputat u sħabu kienu l-farmhouse imma lil Tanti rah b’tazza f’idu għalkemm ma jafx x’għamel. Ix-xhud qal li kien preżenti għall-awtopsja ta’ Matthew Meilak, fejn f’but tal-ġakketta tiegħu nstab kontenitur bi 30 pillola bajda. Qal li ma wasalx għal konklużjoni x’kienu u ġew mgħoddija lill-espert Godwin Sammut.

Għall-akkużat qed jidher l-avukat Joseph Giglio. Il-każ se jkompli x-xahar id-dieħel.