Xufier ta’ karozza tal-linja ttieħed l-Isptar wara li kien involut f’inċident li seħħ għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart ta’ dalgħodu fi Triq it-Tagħbija, kantuniera ma’ Vjal il-Ħaddiem, fin-Nigret.
Jirriżulta li għal xi raġuni l-karozza tal-linja, li kienet sejra lejn il-Baħrija, kellha impatt ma’ vann Isuzu misjuqa minn xufier ta’ 25 sena minn Birkirkara li kien għadu kif beda d-deliveries fil-ħwienet. Miegħu kien hemm passiġġier, raġel ta’ 27 sena miż-Żurrieq.
Għad mhux magħrufa l-kundizzjoni tax-xufier tal-linja, li hu minn Ħaż-Żabbar u għandu 33 sena, filwaqt li wieħed mill-passiġġieri fil-karozza tal-linja sofra ġrieħi ħfief.
Minn naħa l-oħra, fortunatament ix-xufier tal-vann u passiġġier ieħor abbord il-karozza tal-linja ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Dwar dan il-każ Transport Malta fetħet investigazzjoni.
//= $special ?>