Lokali

Eddie Fenech Adami jagħlaq 81 sena

Eddie Fenech Adami: il-politiku li għażel il-messaġġ “Irrid Inservi” bħala prinċipju ewlieni u li dejjem uża l-politika biex ikun ta’ servizz lejn in-Nazzjon u lejn il-Poplu. Eddie Fenech Adami, li dejjem emmen li fil-politika s-Sewwa Jirbaħ Żgur, illum jagħlaq 81 sena.

B’karriera ta’ aktar minn 50 sena fil-politika, ħajjet Eddie Fenech Adami ħalliet marka pożittiva fl-istorja politika tal-pajjiż. Serva bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni, Prim Ministru u President. Kien il-Politiku tar-Riformi, li ġab bidliet li jibqgħu jinħassu għax politiċi oħrajn warajh minn kull partit politiku, aċċettawhom, implimentawhom u komplew jaħdmu fuqhom.

Mis-snin tmenin, meta pajjiżna kien qrib gwerra ċivili, Eddie Fenech Adami biddel wiċċ Malta u Għawdex sakemm sieħeb lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea u sar Missier Malta Ewropea. Għalih, il-Familja dejjem kienet iċ-ċentru ta’ kollox. U flimkien ma’ martu Mary dejjem ra li jiżra’ f’uliedu, u llum il-ġurnata fin-neputijiet, l-aktar għeruq ta’ valuri sodi.

Eddie Fenech Adami daħal fix-xena politika fl-1961, meta kien sar President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara u wara nħatar membru tal-Kumitat Eżekuttiv. Aktar tard sar Assistant Segretarju Ġenerali tal-Partit u fl-1969 kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament, fejn baqa’ jkun elett f’kull elezzjoni sa dik tal-2003.

Eddie Fenech Adami dejjem emmen bis-sħiħ fil-politika bħala mezz kif isir il-ġid. B’dan il-ħsieb f’moħħu, hu kkontesta l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit fl-1977 u kien elett fl-ogħla kariga tal-Partit, wara Ġorġ Borg Olivier, fil-11 ta’ April 1977. Il-karriera politika ta’ Fenech Adami mhux dejjem kienet ward u żahar, tant li d-dar u l-familja tiegħu spiċċaw fil-mira ta’ tkissir u swat fil-15 ta’ Ottubru 1979, f’jum li baqa’ magħruf fl-istorja ta’ pajjiżna bħala “it-Tnejn l-Iswed”.

Eddie Fenech Adami mexxa u rebbaħ lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tal-1981, iżda l-Gvern Soċjalista baqa’ jmexxi minkejja li ma kellux il-maġġoranza tal-poplu warajh. Fil-ħames snin sal-elezzjoni tal-1987, is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż baqgħet sejra lura tant li f’Diċembru 1986 partitarju Nazzjonalista nqatel fi sparatura fuq il-Każin Nazzjonalista tal-Gudja. L-għada tal-qtil ta’ Raymond Caruana, Eddie Fenech Adami indirizza lil eluf kbar u appella biex il-Partit Nazzjonalista jaħdem flimkien għar-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali.

Eddie Fenech Adami rebaħ ukoll l-elezzjoni ġenerali tal-1987 u fit-12 ta’ Mejju sar Prim Ministru, fejn baqa’ jservi f’din il-kariga sal-1996. Reġa’ rebaħ l-elezzjoni ġenerali u sar Prim Ministru mill-ġdid fl-1998, fejn baqa’ jservi sal-2004. Fix-xhur ta’ wara, serva għal ħames snin bħala President tar-Repubblika, sal-2009, biex temm il-karriera fix-xena pubblika fl-ogħla kariga li joffri l-pajjiż.

Illejla, fis-7.30pm, il-Partit Nazzjonalista qed jorganizza Riċeviment ad unur dan l-Istatista Malti. Għal dan ir-Riċeviment, li għalih se jattendi wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, hu mistieden jattendi kulħadd għal donazzjoni ta’ €10.