Il-ħaddiema tal-Enemalta qed ikunu mħeġġa mill-General Workers’ Union biex japplikaw għal 75 post tax-xogħol mal-Gvern, minflok l-impjieg tagħhom fl-Enemalta, li jinsab imdendel fost l-inċertezza.
Imma jirriżulta li kważi ħadd m’applika għal dawn il-postijiet tax-xogħol għaliex dawn huma b’day shifts, u b’hekk il-ħaddiema tal-Enemalta se jitilfu l-allowances u l-overtime li kienu jieħdu fl-Enemalta. F’xi każi, il-ħaddiema jistgħu jitilfu ankè mal-€500 fix-xahar.
Kważi l-impjiegi kollha offruti huma għal xogħol bl-idejn, bħal electricians u mastrudaxxi.
Minbarra dan issa joħroġ li dawn l-impjiegi m’huma xejn ħlief ġabra ta’ sejħiet ta’ xogħol li ħarġu fl-aħħar ġimgħat fuq il-gazzetta tal-Gvern.
Dan minkejja l-wegħdiet li saru mhux biss qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet mill-Prim Ministru Joseph Muscat stess, imma wkoll f’sensiela ta’ laqgħat waħda wara l-oħra li qed isiru mill-General Workers’ Union fejn il-ħaddiema qalulna li qed ikunu mwiegħda l-ilma jiżfen.
L-unika ċertezza li għandhom il-ħaddiema tal-Enemalta hi li se jaħdmu shift fl-24 ta’ Marzu li ġej, għaliex dakinhar se jiġi sinkronizzat l-interconnector, jiġifieri fi kliem ieħor jitlesta minn kollox biex ikun jista’ jibda jiġi użat.
//= $special ?>