“Għalija l-kultura hija prijorità. Jiena mhux lest inbiegħ il-kultura tagħna għall-voti”
Dan kien il-kliem tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Triq l-Ordinanza fil-Belt Valletta, filwaqt li għamel appell imqanqal lill-Prim Ministru biex ma jmexxix il-Monti ħdejn il-proġett ta’ Piano.
Simon Busuttil fakkar li Malta se tkun qed tilqa’ lill-mexxejja Ewropej fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017 u l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kulturali Ewropea fl-2018.
Hu qal li għandna nkunu kburi b’dan, iżda m’għandniex ngħożżu l-kultura għal sitt xhur biss u mbagħad narmuha għall-kumplament.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li l-proġett ta’ Renzo Piano huwa monument tal-Partit Nazzjonalista iddedikat lill-kultura Maltija. Wissa li issa ma nistgħux ninsultaw ‘il-kultura tagħna billi npoġġu l-Monti biswit dan il-proġett u ngħarrquh.
Simon Busuttil qal li wara sentejn ikaxkar saqajh biex itemm il-proġett ta’ Piano, issa qed jinsulta l-kultura tagħna billli jmexxi l-Monti għal Triq l-Ordinanza. Dan huwa frott ta’ wegħdiet li saru qabel l-elezzjoni biex Joseph Muscat jirbaħ l-elezzjoni.
Dwar id-disinn tal-gabbani tas-suq tal-monti, Simon Busuttil qal li dan huwa insult ieħor għall-kultura tagħna u juri l-medjokrità tal-Gvern. Iżda l-agħar ħaġa, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, hija li l-Gvern ħareġ jiftaħar bid-disinn bla ma rrealizza li kien disinn medjokri għall-aħħar.
Simon Busuttil fakkar ukoll f’eżempji oħrajn fejn il-Gvern mhux qed japprezza l-kultura, fosthom f’dak li għandu x’jaqsam mal-Iskola tal-Mużika, l-Iskola tal-Arti f’Għawdex u l-parking bl-addoċċ fi Pjazza de Valette.
Hu temm jgħid li l-Oppożizzjoni se tħaddan il-kultura bħala prijorita’ politika, fuq l-istess livell tal-edukazzjoni u s-saħħa, tant li l-Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu policy forum iddedikat speċifikament għall-kultura.
Intant, fiż-żmien li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iħabbar proposti u proġetti innovattivi fil-qasam tal-kultura.
//= $special ?>