Il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici jaqbel li l-monti jiċċaqlaq għal Triq l-Ordinanza u ħdejn il-bini tal-Parlament il-ġdid.
Owen Bonnici kien qed jitkellem f’Konferenza tal-Aħbarijiet. Mistoqsi minn Il-Mument, il-Ministru saħaq li hemm elementi pożittivi fiċ-ċaqlieq tal-monti għal Triq l-Ordinanza filwaqt li saħaq li jaqbel mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mal-Ministru Chris Cardona li jiġi rilokat il-monti tal-Belt.
Ghall-ewwel, mistoqsi minn dan is-sit jekk, bħala Ministru tal-Kultura, jaqbilx ma’ din id-deċiżjoni, Owen Bonnici beda jaħrab milli jwieġeb, u minflok ma jwieġeb fuq il-monti beda iwieġeb fuq l-artisti!
Owen Bonnici qal li l-midja insiet isemmi li l-monti tal-belt se jkun qed jintuża wkoll minn artisti li jbiegħu prodotti artiġjanali fil-ħinijiet meta ma jkunx għaddej il-bejgħ kummeċjali.
Qal li dan huwa fattur pożittiv ħafna u dan se jkompli jgħin li lill-kultura biex timxi ‘il quddiem.
Wara li rega’ kien mistoqsi minn dan il-ġurnal, fl-aħħar il-Ministru Owen Bonnici ammetta li jaqbel max-xewqa tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jċaqlaq il-monti għall-qalba tal-proġett ta’ Renzo Piano.
“Naqbel perfettament ma’ dak li ġie espress s’issa mill-Prim Ministru u mill-Ministru għall-Investiment li qed jagħmlu sforz u qed jagħmlu xogħol importanti ħafna biex jagħmlu r-rilokazzjoni fi Triq l-Ordinanza,” filwaqt li żied jara pożittivita’ li effettivament issir ir-rilokazzjoni tal-monti tal-Belt.
L-ammissjoni ta’ Owen Bonnici, li jaqbel mad-deċiżjoni tal-Gvern li jċaqlaq il-monti, tfisser li l-Ministru tal-Kultura qed imur kontra x-xewqa ta’ numru kbir ta’ entitajiet, fil-maġġoranza tagħhom għandhom x’jaqsmu mal-kultura, li opponew dan iċ-ċaqlieq.
Fost dawn, opponew dan iċ-ċaqlieq; il-Fondazzjoni Valletta 2018 mmexxija mill-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jason Micallef, Assoċjazzjoni Ewropeja tal-Ibliet, it-Teatru Manoel, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, il-Kunsill Malti għall-Arti, Heritage Malta, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, Pjazza Teatru Rjal, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-Periti.
Fil-jiem li għaddew, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamilha ċara li taħt Gvern Nazzjonalista, il-monti ma jibqax jintrama fil-qalba tal-proġett ta’ Renzo Piano.
//= $special ?>