L-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur (ADK) uriet it-tħassib tagħha dwar il-prezzijiet għoljin tal-fuel u dwar il-problemi li qed jifnu s-settur tal-energija f’Malta, kemm riżultat ta’nuqqas ta’ ippjanar fit-tul, kif ukoll nuqqas ta’ trasparenza u ta’ sostenibbilita’ finanzjarja fin-negozjar ma’ kumpaniji barranin fid-diversi proġetti.
L-Assoċjazzjoni qalet li dan jista’ jwassal biex il-Gvern ikun f’pożizzjoni fejn ma jkunx jista’ jiggarantixxi l-kompetitivita’ ta’ Malta fil-futur qrib u aktar u aktar fit-tul.
L-investimenti f’dan is-settur jinvovlu impenn finanzjarju konsiderevoli.
L-ADK qalet li l-politika tal-Enerġija f’Malta għandha tħares ukoll lejn xort’oħra ta’ investimenti permezz tal-użu ta’ enerġija alternattiva, billi toffri inċentivi għal dan it-tip ta’ żvilupp fil-komunita’, f’produzzjoni lokali u fost l-SMEs – oppotunitajiet innovattivi għal tkabbir ekonomiku u żieda fl-impieg.
Qalet ukoll li hi mħassba dwar il-prezzijiet għoljin tal-fuel. Anki wara tnaqqis ta’ 4 ċentezmi, Malta, meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropeja, qegħda fir-raba post tal-aktar prezzijiet għoljin tal-fuel. Dan qed jesponi kemm lil-konsumaturi kif ukoll l-industija għal-limitazzjonijiet finanzjarji, li qed ikollhom impatt fuq l-istabbilita’ tas-suq li tant hi essenjali biex nibqgħu kompetittivi u biex is-suq Malti jibqa miexi bla skossi ekonomiċi.
L-Assoċjazzjoni qalet li kienu żvelati ukoll prattiċi ta’ kompetittivita’ mhux ġusti fil-bejgħ tal-fuel għad-detriment tal-konsumaturi. L-Assoċjazzjoni irrakomandat lill-Awtorita’ għall-Kompetizzjoni (MCCAA) biex tinvestiga dawn il-każijiet.
L-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur insistiet li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għandha tingħata l-ewwel prijorita’ u ghalhekk il-prezzijiet tal-fuelf’Malta għandhom jiġu mraħħsa b’mod li jrrifletti il-prezzijet tal-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja kif ukoll il-prezzijiet internazzjonali.
//= $special ?>