Lokali

Is-Sindku Laburista f’Birzebbugia Farrugia mhux se jikkontesta l-elezzjoni lokali li jmiss

Joseph Farrugia, is-Sindku ta’ Birżebbuġa f’ isem il-Partit Laburista, ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni lokali li jmiss minħabba problemi finanzjari li hemm fil-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.

Dan qalu fl-intervent tiegħu waqt il-programm bir-‘Rispett Kollu’ fuq l-istazzjon RTK.

Farrugia kompla li s-Sindku u l-Kunsilliera li se jiġu eletti fl-Elezzjoni Lokali li jmiss, iridu jaraw kif se jsolvu din il-problema ta’ finanzi.

Stqarr li tant kemm jinsabu f’sitwazzjoni ħażina li, biex ma jsirx iktar dejn, il-Kunsill ma jista’ jagħmel l-ebda proġett.

Apparti l-problema finanzjarja jidher li hemm ukoll nuqqas ta qbil bejn is-Sindku Farrugia u il-Viċi Sindku Kevin Barun. Il-Viċi Sindku Barun ftit tal-jiem ilu saħaq li l-problemi finanzjari tal-Kunsill huma taħt kontroll u għalhekk qal li l-problemi finanzjari mhumiex ir-raġuni għaliex Farrugia mhux se jikkontesta għall-Kunsilli Lokali.

F’dawn l-aħħar sentejn, din mhux l-ewwel darba li s-Sindku Farrugia kellu ilmenti ghal mod ta kif qed jitmexxew l-affarijiet f’dawn l-aħħar xhur. Farrugia kien saħaq li hu inaċċettabbli għar-residenti ta’ Birżebbuġa li l-Freeport jibda jintuża’ bħala tarzna.

Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa kien ressaq appell quddiem it-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar tal-MEPA, biex jiġi revokat il-permess ambjentali li ħarġet l-istess Awtorità u li permezz tiegħu, il-Freeport ikun jista’ jwettaq xogħol ta’ tiswija ta’ vapuri u rigs taż-żejt.

Joseph Farrugia ilu jiġi elett bħala Sindku f’Birżebbuġa f’isem il-Partit Laburista, għal dawn l-aħħar 21 sena.

Hu ta’ tħassib li d-deċiżjoni tiegħu qed jeħodha issa li l-Partit Laburista li hu jappoġġja jinsab fil-Gvern.