Internazzjonali

Iwissi li l-ISIS fil-Libja qed jissaħħu

Aref Ali Nayed, l-Ambaxxatur Libjan għall-Emirati Għarab Magħquda u konsulent tal-Prim Ministru Abdullah al-Thinni, wissa li l-ISIS fil-Libja kienu qed jissaħħu u hemm bżonn sforz internazzjonali biex tikkonfronta din it-theddida.
Nayed din il-ġimgħa kien Washington biex jiddiskuti l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà fil-Libja.

Hu qal li ma kienx possibbli li wieħed jiġġieled lill-ISIS fl-Iraq u s-Sirja biss, imma fil-Libja wkoll għaliex it-theddida hi waħda serja.

Hu qal li b’kollox hu stmat li l-ISIS huma attivi fi seba’ bliet Libjani u qed iwettqu l-attakki ta’ spiss. Hu qal li l-ISIS kien qed iqabbad ġellieda barranin – mill-Jemen, it-Tuneżija, l-Alġerija u ċ-Ċeċenja – biex imorru jiġġieldu fil-Libja u ma eskludiex il-possibbiltà li l-ISIS juża lil-Libja bħala bażi għall-attakki fl-Ewropa.

Nayed, f’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet internazzjonali AFP, qal li hemm nuqqas, u jinħass, ta’ strateġija globali kontra l-ISIS.

Sadattant, żewġ persuni nqatlu u 20 oħra ndarbu meta vettura mimlija splussiv splodiet f’Bengażi – it-tieni l-akbar belt Libjana, u li bħalissa hi lok ta’ ġlied qalil għall-kontroll tagħha.

L-attakk seħħ quddiem bażi militari fl-inħawi ta’ Lithi fejn il-forzi tal-Gvern ibbażat f’Tobruk tal-Prim Ministru Abdullah al-Thinni li qed jippruvaw ikeċċu lil militanti Iżlamiċi minn Bengażi.