Internazzjonali

Jillimitaw l-azzjoni waqt il-ġbid tal-films f’Pariġi

L-awtoritajiet f’Pariġi qed jillimitaw il-ġbid tax-xeni ta’ azzjoni għall-films fl-inħawi tal-kapitali, bħala konsegwenza tal-attakki terroristiċi tax-xahar li għadda fi Franza.

Il-Kap tal-Pulizija, Sylvie Barnaud, spjegat li ‘l-azzjonijiet spettakolari li jinġibdu f’Pariġi kapaċi jwasslu għall-problemi, peress li l-atturi bl-uniformijiet kapaċi jispiċċaw mira għal terroristi’.

Il-Pulizija temmen ukoll li l-atturi li jieħdu sehem f’xi xena ta’ dan it-tip jistgħu anki ‘jħawwdu lill-membri tal-pubbliku’ f’dan iż-żmien partikolarment sensittiv. L-awtoritajiet, intant, qed jipprojbixxu wkoll il-ġbid ta’ xeni għall-films ta’ azzjoni li jinvolvu l-armi finta u l-effetti pirotekniċi.

Il-livell tat-tensjoni f’Pariġi għadha għolja wara l-attakki terroristiċi ta’ Jannar li ħallew 20 persuni mejtin, inklużi t-tliet aggressuri responsabbli. Dan meta s-suldati u l-pulizija armati għadhom qed jgħassu z-zoni u s-siti sensittivi tal-kapitali Franċiża, fosthom is-sinagogi, l-uffiċini tal-istampa u l-kumplessi kummerċjali ewlenin.

Il-pulizija ma jafux kemm għandha ddum il-projbizzjoni għall-ġbid tal-films ta’ azzjoni f’Pariġi, iżda jaqblu li d-deċiżjoni li ħadu hi waħda li ‘tibbaża fuq is-sens komun’.