Lokali

KKPN juri s-sodisfazzjoni għas-sentenza li tagħat il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili

Il-Kulleġġ tal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista saħaq li jixtieq juri s-sodisfazzjon tiegħu għas-sentenza li l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili tagħat il-bieraħ għar-rigward tar-riżultat tal-Elezzjoni Generali 2013.

Fi stqarrija l-Kulleġġ tal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista saħaq li din is-sentenza tirrendi ġustizzja mal-eletorat Malti u mal-Partit Nazzjonalista għax qed tagħti rimedju għall-iżbalji li sa mill-bidu nett deher li kienu twettqu mill-Kummissjoni Elettorali waqt l-għadd tal-voti.

Bir-rimedju li ngħata, jiġifieri żieda ta’ żewġ deputati oħra fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista żgur li ser ikun f’qagħda li jwettaq il-ħidma tiegħu u jservi aħjar lill-poplu Malti. Għalhekk, il-Kummissjoni Elettorali hi mħeġġa biex bla telf ta’ żmien, teleġġi ż-żewġ deputati l-ġodda f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Il-Kulleġġ Kandidati tal-Partit Nazzjonalista ikkonkluda li jħoss li bi dritt jagħmel dan l-appell, il-għaliex meta dan twaqqaf f’Awissu tal-2014, waħda mill-funzjonijiet prinċipali tiegħu kienet li jħares u jippromwovi l-interessi tal-kandidati li jikkontestaw f’isem il-Partit Nazzjonalista. Bir-riżultat żbaljat tal-Elezzjoni Generali 2013, kienu propju dawn il-kandidati li ġew effettwati negattivament il-għaliex bin-nuqqasijiet tal-Kummissjoni Elettorali, huma u l-Partit Nazzjonalista gew imċaħħda minn żewġ siġġijiet fil-Parlament għal sentejn sħaħ.