Edukazzjoni Lokali

Konferenza Annwali mill-SDM bl-isem ta’ THINK2020

Konferenza Annwali ġiet mtella’ llum mill-għaqda studenteska tal-SDM (Studenti Demokristjani Maltin). Din il-konferenza saret fiċ-ċentru tal-Microsoft, fi Sky Parks, Ħal-Luqa.

Waqt din il-konferenza kien hemm il-parteċipazzjoni tal-għaqdiet studenteski oħra tal-Universita’ li tulha ġew diskussi bosta aspetti li huma relatati mal-iżvilupp tal-Kamp Universitarju sas-sena 2020. Din l-attivita’ tat opportunita’ lil għaqdiet jesprimu l-ħsieb tagħhom permezz ta’ workshops li ġew organizzati.

Luke Muscat, il-President tal-SDM qal li l-għaqda issa ilha 41 sena taħdem għall-interess tal-istudent fl-Universita’, fil-Junior College u issa anke fil-kulleġġ M.A. Refalo f’Għawdex u l-MCAST.

Bħala mistieden speċjali kien hemm il-Professur Joe Friggieri. Friggieri qal li l-istudenti tal-Universita’ għandhom dejjem ikunu realistiċi, u fejn hemm bżonn jaħsbu b’metodi ġodda. L-istudent għandu dejjem jħares il-fuq bl-għan li jilħaq l-għola livell fl-istudji tiegħu.

L-għan ta’ din il-Konferenza kien li jikkreja numru realistiku ta’ proposti biex il-ħajja tal-istudenti fl-Universita’ titjieb u tkompli tiżviluppa.