Il-President tal-Azerbaijan, Ilham Aliyev, iffirma digriet li jagħmilha aktar faċli għall-Gvern biex jagħlaq l-entitajiet tal-istampa fil-pajjiż – partikolarment l-entitajiet li huma ffinanzjati minn barra.
Skont l-emendi fil-liġi tal-Istat (tal-Azerbaijan) rigward il-‘mass media’, kwalunkwe entita li tirċievi l-finanzjament minn barra inkella li tinstab ħatja ta’ malafama darbtejn fis-sena tista’ tingħalaq permezz ta’ digriet tal-qorti.
Il-Parlament f’Baku kien għadda din il-leġislazzjoni fis-16 ta’ Diċembru, bil-President Aliyev jiffirmaha, proprju, nhar it-Tlieta.
Għaxart ijiem wara li l-Parlament approva l-emendi, numru ta’ investigaturi u pulizija armati kienu wettqu rejd fuq il-bureau tar-Radio Free Europe/Radio Liberty (RFE/RL) f’Baku, fejn ikkonfiskaw il-kompjuters u żammew il-membri tal-istaff ġo kamra, kontra l-volonta tagħhom, għal diversi sigħat.
Dak iż-żmien, il-prosekuturi Ażeri qalu li r-rejd seħħ bħala parti minn investigazzjoni rigward is-Servizz Ażerbajġani tal-RFE/RL bħala entita ffinanzjata minn barra l-pajjiż.
Intant, il-gruppi li jiddefendu l-espressjoni ħielsa qalu li l-Gvern ta’ Aliyev għandu l-istampa indipendenti fil-mira tiegħu. Dan waqt li l-grupp Human Rights Watch fisser is-sitwazzjoni f’Azerbaijan bħala waħda fejn is-soċjeta ċivili u l-kritiċi qed ikunu suġġetti għal ‘ripressjoni tal-biża’’.
//= $special ?>