L-istatistika maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) tindika li l-produzzjoni matul Diċembru 2014 niżlet bi 3.6% meta mqabbla ma’ Diċembru tas-sena ta’ qabel u dan it-tnaqqis jikkumplimenta statistiċi oħrajn li juru li bejn Marzu 2013 u Diċembru 2014, il-produzzjoni industrijali naqas b’mod kostanti ħlief fi tlett xhur partikolari.
Dwar dan, fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco, l-Oppożizzjoni qalet li hu ta’ tħassib li filwaqt li l-prospettivi ekonomiċi ġenerali ta’ Malta jistgħu jkunu pożittivi, ir-realtajiet kurrenti f’ċertu setturi tal-ekonomija jqanqlu tħassib.
L-Oppożizzjoni qalet li statistiċi oħra maħruġa mill-Eurostat ukoll iqanqlu tħassib għas-settur tal-imnut. Dan għaliex filwaqt li n-negozju żdied madwar l-Ewropa, Malta kienet wieħed mill-ftit pajjiżi li rreġistrat tnaqqis. L-Oppożizzjoni esprimiet ukoll tħassib għall-istħarriġ li sar mill-GRTU li juri wkoll li numru kbir ta’ bejjiegħa rreġistraw tnaqqis fil-bejgħ.
Il-Partit Nazzjonalista qal li hu ta’ sfortuna li l-Gvern qed jirrifjuta li jagħraf li hemm xi ħaġa li sejra ħażin f’dawn is-setturi.
L-istqarrija tgħid li filwaqt li l-Oppożizzjoni tilqa’ r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li tbassar futur ekonomiku pożittiv, tibqa’ ta’ tħassib is-sitwazzjoni preżenti li qed jiffaċċjaw l-industrijalisti, is-sidien tan-negozji u l-familji.
L-Oppożizzjoni appellat lil-Gvern biex jiddiskuti b’mod miftuħ l-istat tal-Ekonomija Maltija u biex il-Ministri kompetenti ma jibqgħux jiddeskrivu l-infomazzjoni miġbura mill-NSO u l-Euro Stat bħala falza. L-Oppożizzjoni apellat wkol biex il-Gvern jgħati aktar għajnuna lill-setturi fil-bżonn, b’mod speċjali billi jnaqqas b’mod immedjat il-prezz tal-Fuel.
//= $special ?>