Mijiet ta’ persuni attendew riċeviment organizzat mill-Partit Nazzjonalista biex jiċċelebra għeluq il-81 sena ta’ Eddie Fenech Adami. Ir-riċeviment sar fid-Dar Ċentrali.
L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, ek-Prim Ministru u President Emeritus ta’ Malta għalaq sninu s-Sibt. Hu twieled fl-1934 u qatta’ parti kbira minn ħajjtu jagħti servizz lill-poplu permezz tal-politika.
Waqt ir-riċeviment li sar biex ifakkar għeluq sninu, Eddie Fenech Adami tkellem fuq uħud mill-kapitli ta’ ħajjtu. Bi tbissima fuq wiċċu u b’sens ta’ nostalġija, Eddie Fenech Adami fakkar fost l-oħrajn l-ewwel ftit snin tiegħu fil-politika, meta kien fost tal-ewwel li kien idur id-distrett biex jagħmel dawk li kienu jissejjħu ‘corner meetings’.
Hu rringrazzja lil dawk preżenti għall-appoġġ tagħhom matul is-snin.
Apparti mijiet ta’ persuni li attendew għar-riċeviment, attenda wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, diversi deputati, ewroparlamentari u rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista.
F’messaġġ tal-okkażjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-kelma dwar Eddie Fenech Adami li tispikka hija l-kelma ‘inservi’. Din il-kelma ma kinitx sempliċiment slogan politiku, iżda verament kien jgħix ħajjtu b’mod li serva lill-Partit Nazzjonalista lill-pajjiż.
Temm jgħid li f’mument bħal dan, huwa l-partit u l-pajjiż li għandu jgħid grazzi lil Eddie Fenech Adami, u mhux bil-kontra.
//= $special ?>