Kurżitajiet

Pakkett crisps jiswa ħames snin ħabs għal żewġ ħallelin

Żewġ irġiel fiċ-Ċina li daħlu ġo residenza privata biex jisirqu tant kienu konvinti li se jgħadduha lixxa li intefgħu bil-qiegħda quddiem it-televiżjoni u qagħdu jaraw il-programmi waqt li jieklu l-pakketti tal-crisps tas-sid.

Iżda d-destin ried li sid id-dar – li dak il-ħin kien qiegħed jaħdem fl-uffiċċju, kilometri ‘l bogħod — iddeċieda li jaqbad ma’ kamera tas-sorveljanza (bir-remote) fir-residenza biex jara hekk l-affarijiet kenux kif suppost.

Ir-raġel, Chung Chang, ta’ 32 sena, ma setax jemmen għajnejh meta ra liż-żewġ ħallelin jieklu l-‘crisps’ u jaraw it-televiżjoni bil-kumdita kollha fid-dar tiegħu, li tinsab fil-provinċja ta’ Shandong.

Chung Chang ma jafx kif daħallu l-ħsieb li jiċċekkja l-kamera tas-sorveljanza u ‘tħawwad mhux ftit’ b’dak li ra. Iżda hu intebaħ li l-irġiel kienu ħallelin meta rahom (fuq il-kamera) qed jilbsu l-ingwanti bojod ‘huma u jieklu l-crisps bil-wiċċ tost kollu’.

Hu ikkuntattja lill-pulizija li marru jħabbtu fuq il-bieb tad-dar, bil-ħallelin — li ħasbu li kellhom iż-żmien kollu li jridu għas-serqa — jinstemgħu jitkellmu ħażin bejniethom qabel waqa’ skiet perfett.

Il-pulizija, imbagħad, daħlu fid-dar u sabu lill-irġiel jistaħbew taħt sodda u fejn kellhom jammettu għall-intenzjonijiet kriminali.

Sar magħruf li ż-żewġ ħallelin saru ħbieb il-ħabs u kienu qed igawdu l-ewwel ftit jiem tal-liberta meta ddeċidew li jwettqu ‘din is-serqa’. Intant, id-deċiżjoni li jitnikkru u jieklu l-‘crisps’ fuq il-post tad-delitt qisu xejn m’hu xejn x’aktarx li se tiswielhom (talanqas) ħames snin oħra ta’ priġunerija.