Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, u l-President ta’ Franza, Francois Hollande, il-Ġimgħa marru għal taħditiet fir-Russja bit-tama li tinstab soluzzjoni biex jieqaf il-ġlied fl-Ukrajna tal-Lvant.
It-taħditiet bejn il-Mexxejja tal-Punent u l-President Russu, Vladimir Putin, saru wara li l-Viċi President Amerikan, Joe Biden, akkuża lir-Russja talli kompliet trewwaħ il-vjolenza fl-Ukrajna meta skont hu, Moska qed tinjora kull ftehim li ntlaħaq s’issa.
Matul il-ġurnatatal-Ġimgħa deher li qed iżomm ftehim għall-waqfien mill-ġlied fl-inħawi ta’ Debaltseve, fl-Ukrajna, fejn fl-aħħar jiem saru l-battalji ħorox bejn il-qawwiet tal-Gvern Ukren u r-ribelli separatisti li jridu l-għaqda mar-Russja. Il-ftehim inkwistjoni għandu jippermetti biex ir-residenti ċivili jitilqu qawwijin u sħaħ mill-inħawi.
Sadanittant, Merkel, Hollande u Putin, il-Ħamis, kellhom jiddiskutu proposta għall-paċi li tfasslet ‘fi Kiev’ u li d-dettalji tagħha ma ħarġux.
Qabel telaq minn Franza, Hollande qal li l-iskop taż-żjara f’Moska ma jinvolvix sempliċi impenn għall-waqfien mill-ġlied iżda ‘ftehim komprensiv’ – b’Merkel, mill-banda l-oħra, issostni li kollox jibqa’ possibbli f’dan l-istadju.
Sforz aħħari biex itemmu l-kunflitt fl-Ukrajna
