Fi tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-Armata Ingliża kienet identifikat 80,000 każ ta’ kundizzjoni ġdida li ngħatat l-isem ta’ shell shock.
Ix-xjenzati kienu mistagħġba bis-sintomi – li jinkludu ansjetà u ħolm ikrah – iżda minn dak iż-żmien ‘il hawn, wara aktar minn seklu ta’ riċerka, il-misteru sa fl-aħħar ġie solvut.
L-esperti issa jemmnu li, qafas ta’ ħjut fin-nervituri fl-imħuħ tal-veterani li rnexxielhom jibqgħu ħajjin wara attakk minn splussivi qawwija, hu responsabbli għall-kundizzjoni, uffiċjalment magħrufa bħala blast neurotrauma.
Riċerkaturi fl-Iskola tal-Mediċina fi ħdan l-Università Johns Hopkins f’Baltimore, fl-istat ta’ Maryland, għamlu awtopsji fuq veterani tal-gwerra Amerikani li ħelsuha minn splużjonijiet fl-Afganistan u fl-Iraq, iżda mbagħad mietu minħabba raġunijiet oħrajn.
Huma skoprew li kellhom l-istess tip ta’ brain injury – qafas partikulari ta’ ħjut imqattgħin u minfuħin fin-nervituri madwar ir-reġjuni kritiċi fil-moħħ, fosthom dawk li jikkontrollaw it-teħid tad-deċiżjonijiet, il-memorja u r-raġunar.
Il-qafas hu differenti minn dannu fil-moħħ kawżat minn xi inċident tat-traffiku, overdose mid-droga jew minn xi sport goff.
Vassilis Koliatsos, professur tal-patoloġija, il-psikjatrija u x-xjenzi tal-imġieba fl-università, spjega li suldati li jeħilsuha minn splużjonijiet qawwijin f’xi gwerra, jista’ jkollhom brain injuries li jkollhom irwol fil-problemi psikoloġiċi u soċjali li xi veterani jħabbtu wiċċhom meta jirritornaw id-dar.
//= $special ?>