Internazzjonali

Arrestati l-militanti li rritornaw fit-Tuneżija mis-Sirja

‘Il fuq minn 30 militanti Iżlamiċi li kienu qed jippjanaw l-attakki fit-Tuneżija spiċċaw arrestati fl-aħħar sigħat. Sadanittant, kien ikkonfermat li numru minn dawn l-estremisti kienu rritornaw fit-Tunezija wara żmien jiġġieldu fis-Sirja.

Il-Kabinett Tuneżin iffurmat mill-membri ta’ koalizzjoni Iżlamika u sekulari, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Habib Essid, qed jiffaċċja t-theddida tal-movimenti Iżlamiċi li feġġew wara r-rewwixti tar-Rebbiegħa Għarbija tal-2011.

Madankollu l-qawwiet għal kontra t-terroriżmu fit-Tunezija jidhru li, għalissa, rażżnu l-kumplotti tal-militanti kontra s-siti sensittivi, fosthom il-Ministeru għall-Intern u ċ-ċentri tas-sigurta u l-bini ċivili, f’Tunis.

Sadanittant, ir-rapporti qalu li l-militar tat-Tuneżija qatlu numru ta’ militanti Tuneżini u Alġerini qrib il-fruntiera komuni mal-Alġerija.