Knisja Lokali

Donazzjoni ta’ €45,000 lid-Dar tal-Providenza mill-bejgħ ta’ ktieb

Fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi dalgħodu saret quddiesa fl-okkażjoni tal-81 sena tal-President Emeritus Eddie Fenech Adami.

Il-quddiesa tqaddset mid-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr. Martin Micallef u għaliha attendew l-ex Prim Ministru Lawrence u s-Sinjura Gonzi, il-familja Fenech Adami kif ukoll numru ta’ residenti tad-Dar tal-Providenza.

Eddie Fenech Adami ilu jattendi għal din il-quddiesa ta’ radd il-ħajr għal dawn l-aħħar 37 sena.

Fi tmiem il-Quddiesa ġiet preżentata donazzjoni ta’ 45,000 Ewro lid-Dar tal-Providenza, flus li inġabru mill-bejgħ tal-awtobijografija tiegħu. Eddie Fenech Adami tenna li huwa pjaċir tiegħu li jgħaddi din id-donazzjoni lil din l-organizzazzjoni li tant hi għal qalbu.

Donazzjoni oħra ta’ 5,000 Ewro ingħatat mill-BOV Joseph Calleja Foundation.