Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni qed jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies”

Il-Gvern għandu jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel b’mod sostanzjali u immedjatament. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervista lejliet id-dibattitu Parlamentari dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni dwar il-prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel.

“Irridu lill-Gvern inaqqsu biex iġibu għall-istess livelli li qiegħed f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Infakkar biss li filwaqt f’Malta, d-diesel u l-petrol, anke wara l-aħħar traħħis għadu jaqbeż l-€1.30, hemm numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, fejn illum il-prezz huwa ta’ anqas minn ewro għal kull litru.” Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti mal-Gvern biex iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel.

Mistoqsi dwar it-traħħis ta’ erba’ ċenteżmi mħabbar il-ġimgħa li għaddiet, Simon Busuttil qal “li kien għall-Gvern, lanqas it-traħħis ta’ erba’ ċenteżmi ma għamel. Għamlu biss għax għamilnilu pressjoni aħna.” Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li t-traħħis ta’ erba’ ċenteżmi mhux biżżejjed “għax meta tqabbel il-prezzijiet f’Malta ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, issib li dan għadu fost l-aktar għoljin, kemm il-petrol kif ukoll id-diesel.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jittama “li l-Gvern jasal għal qbil magħna għaliex suppost anke hu jaqbel li jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel ladarba raħas il-prezz taż-żejt, sakemm ma jridx jisraq lin-nies.” Hu sostna li permezz tad-dibattitu Parlamentari ta’ għada, għandu jkun hawn aktar għarfien biex in-nies jirrealizzaw li qegħdin jinsterqu kull darba li jmorru jagħtu l-petrol u d-diesel fil-karozza.

Fl-intervista, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega wkoll kif taħt it-tmexxija tiegħu, l-kultura se tkun waħda mill-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-Partit Nazzjonalista. “Bħalma l-Partit Nazzjonalista kulħadd jafu għall-edukazzjoni, s-saħħa u x-xogħol, il-kultura rrid intellagħha hemm. Għaliex? Għax il-kultura hija aħna, hija l-identità tagħna. Armi l-kultura u tarmi l-identità. Jekk tonqos lejn il-kultura ma tkunx tista’ tagħraf aktar lilek innifsek, għalhekk il-kultura għandna npoġġuha hemm,” sostna Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddeskriva d-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jpoġġi l-monti ħdejn il-Parlament il-ġdid bħala insult lejn il-kultura Maltija. “Dan huwa żball, u qed ninsistu mal-Gvern biex ma jagħmilx dan l-iżball. Żball li issa kulħadd jaf li sar għal sempliċi raġuni, li Joseph Muscat ftiehem minn wara dahar kulħadd qabel l-elezzjoni ġenerali li jieħu lill-bejjiegħa tal-monti hemm, jekk jivvutawlu. Jiġifieri bejn il-kultura tagħna u x-xiri tal-voti, l-poter u li jirbaħ l-elezzjoni, Joseph Muscat għażel il-voti fuq il-kultura tagħna. Għalija, l-kultura tiġi l-ewwel, tiġi qabel il-voti,” sostna Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddeskriva d-deċiżjoni tal-Qorti ta’ nhar il-Ħamis li għadda bħala deċiżjoni storika. “Saret ġustizzja mal-Partit Nazzjonalista, mal-poplu u b’mod partikolari ma’ dawk il-votanti li l-vot tagħhom ma ġiex magħdud. Il-Qorti qalet li dan huwa ksur fundamentali tad-dritt tagħhom u għandu jiġi rranġat.”

Simon Busuttil kellu kliem aħrax ukoll għall-Gvern li qed jiprova jtawwal u jkaxkar saqajh biex l-Oppożizzjoni tibqa’ b’żewġ siġġijiet anqas fil-Parlament. “Minflok ma jbaxxi rasu għad-deċiżjoni tal-Qorti, il-Prim Ministru qal li se jappella biex ikompli jtawwal,” spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu kompla jgħid li dan huwa insult għad-demokrazija u għall-poplu Malti u Għawdxi.

“Aħna mill-Oppożizzjoni qegħdin nuru li nistgħu u kapaċi nagħmlu differenza. Għamilna differenza diġà fuq numru ta’ oqsma. Għamilna differenza fuq il-kwistjoni taċ-ċittadinanza, għamilna differenza fuq it-tneħħija ta’ Manuel Mallia, għamilna differenza fuq il-Kunsilli Lokali għaliex l-elezzjoni li ġejja, li kieku kien għall-Gvern ma ssirx, u qed nagħmlu differenza wkoll fuq il-prezz tal-petrol u d-diesel,” temm jgħid Simon Busuttil.