Lokali Parlament

Il-prezzijiet esaġerati tal-petrol u d-diesel diskussi għada fil-Parlament bl-insistenza tal-Oppożizzjoni

Il-Gvern għandu jieqaf iġib l-iskużi u jraħħas il-petrol u d-diesel minnufih b’mod sostanzjali

Hu biss bis-saħħa tal-appelli u l-insistenza tal-Oppożizzjoni li għada se jiġu diskussi fil-Parlament il-prezzijiet esaġerati u għolja tal-petrol u d-diesel – l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

L-Oppożizzjoni u l-poplu, se jkunu qegħdin jistennew spjegazzjoni mill-Gvern għaliex il-familji Maltin u Għawdxin, l-industrija u s-self employed f’pajjiżna baqgħu għal dawn l-aħħar seba’ xhur iħallsu dawn il-prezzijiet esaġerati f’kuntrast mal-pajjiżi Ewropej kollha li għaddew ir-roħs tal-prezzijiet internazzjonali tal-fuel, liċ-ċittadin.

Għada fil-Parlament, il-Gvern se jerġa’ jiġi ttestjat. Test ieħor dwar kemm se jitwemmen il-Gvern għar-raġunijiet li hu fl-obbligu u fid-dmir li jagħti għaliex żamm il-prezzijiet fl-ogħla livelli u ma raħħasx biex jirriflettu mhux biss il-prezzijiet internazzjonali tal-fuel, iżda jirriflettu wkoll il-prezzijiet fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li huma orħos sostanzjalment minn pajjiżna.

Niftakru wkoll, għada, meta l-Gvern se jkun qiegħed jitkellem dwar il-prezzijiet għolja tal-fuel, li l-Prim Ministru Muscat kien wiegħed lill-poplu li “Malta se tkun l-aqwa u l-aħjar fl-Ewropa”.

Id-dibattitu ta’ għada hu biss mertu għax-xoħol li qed tagħmel l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li għal dawn l-aħħar xhur u ġimgħat, ilha tappella lill-Gvern biex iraħħas b’mod immedjat u sostanzjali l-petrol u d-diesel. L-Oppożizzjoni qegħda tinsisti wkoll li l-Gvern għandu jispjega d-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar ix-xiri tal-fuel u kif għadda dan il-piż qawwi fuq il-familji, l-industrija, l-anzjani u s-self-employed li kollha qed iħallsu aktar, u ħafna aktar fil-konsum tal-petrol u d-diesel.

Il-Gvern qatt ma wera interess li jiddiskuti dan, tant li l-Oppożizzjoni wkoll kellha tinsisti fil-Parlament, saħansitra billi b’ruling li talbet lill-Ispeaker din il-ġimgħa stess, biex id-dibattitu dwar il-mozzjoni li ressqet biex jiġu diskussi l-prezzijiet tal-fuel u biex dawn jorħsu b’mod immedjat, tkun diskussa nhar il-Ħamis li għadda, iżda l-Gvern baqa’ jirrifjuta.

F’kummenti dwar id-dibattitu ta’ għada, ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport, Marthese Portelli, qalet li l-prezz tal-petrol u d-diesel għadu ferm għoli, anke fil-kuntest li 18-il pajjiż tal-UE qed ibiegħu l-prezz tal-petrol taħt il-prezz medju Ewropew. Hemm ukoll 20 pajjiż bi prezz tad-diesel li hu aktar baxx mill-prezz medju fl-Ewropa. Malta baqgħet ir-raba’ u l-ħames bl-ogħla prezzijiet għad-diesel u l-petrol rispettivament.

“Joseph Muscat għandu jieqaf iġib l-iskużi. Il-prezzijiet għoljin qed iħallu impatt iebes kemm fuq il-familji, iżda wkoll, kif spjegaw l-imsieħba soċjali, fuq is-sidien tal-ħwienet u tan-negozji ż-żgħar ta’ pajjiżna. Ir-rati għoljin tal-fuels qed inaffru l-kompetittività tan-negozji Maltin u Għawdxin u qed jikkontribwixxu biex xahar wara l-ieħor pajjiżna jirreġistra tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet.

Ikkummentat ukoll li fir-rispett tat-trasparenza u l-kontabbilità li tant il-Gvern jiftaħar bihom, jekk ukoll m’għandux x’jaħbi, għandu minnufih jippubblika l-kuntratti kollha marbuta max-xiri tal-fuel.