Internazzjonali

Kritika dwar kummenti kontroversjali ta’ Papa Franġisku

Il-kumment ta’ Papa Franġisku li kien aċċettabli li l-ġenituri jsawtu lil uliedhom basta l-iswat bl-ebda mod ma’ jtellef id-dinjita tal-ulied spiċċa fil-mira tal-kritika ta’ Peter Saunders li huwa membru tal-Kummissjoni dwar l-Abbuż Sesswali mwaqqfa riċenti mill-istess Papa Franġisku.

Saunders saħaq, “Papa Franġisku qatt ma’ rabba ulied u għalhekk ftit li xejn jaf dwar it-trobbija tal-ulied; nemmen li dan huwa eżempju perfett għaliex waqqaf kummissjoni magħmula minn nies kemm ġenituri u kemm le sabiex jgħatu pariri fuq dawn it-tip ta’ kwistjonijiet”. Huwa kompla, “nemmen li għandna bżonn nkellmu lil Papa dwar din il-kwistjoni għaliex hemm miljuni ta’ tfal madwar id-dinja li jsofru vjolenza fiżika ta’ kuljum, u l-affarijiet jibdew minn daqqa ħafifa iżda l-għan huwa xorta dak li wieħed jinflinġi l-uġiegħ”. Saħaq li llum il-ġurnata m’għandu jkun hemm ebda forma ta’ dixxiplina fiżika.

Saunders saħaq li t-tfal m’għandhom bżonn ta’ ebda daqqiet. Minflok hemm il-ħtieġa ta’ attitudni posittiva minn naħa tal-ġenituri.