Internazzjonali

L-Emirati Għarab Maqgħuda spalla ma’ spalla mal-Ġordan

L-Emirati Għarab Maqgħuda issa spalla ma’ spalla mal-Ġordan fl-offensiva kontra l-militanti tal-Istat Iżlamiku. Wara l-qtil brutali tal-pilota Ġordaniż Moaz al-Kasasbeh u wara li l-Ġordan bdiet serje ta’ attakki kontra l-militanti tal-ISIS, l-Emirati Għarab Maqgħuda bgħatet numru ta’ ajruplani militari tat-tip F-16 sabiex huma wkoll jattakkaw lill-ISIS. Fil-mira ewlenija tal-attakki, l-belt ta’ Raqqa fis-Sirja, meqjusa bħala waħda mill-bliet ewlenin taħt il-kontroll tal-ISIS.

Kelliem għall-gvern tal-Emirati Għarab Maqgħuda qal li l-kontribut tal-pajjiż huwa bħala turija ċara ta’ solidarjeta’ sħiħa mal-Ġordan. Minn naħa tiegħu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġordan Nasser Judeh saħaq li l-Ġordan kien ser ikompli iħarrax il-ġlieda kontra l-militanti tal-Istat Iżlamiku.