Lokali

L-MŻPN b’aktar ħidma f’livell distrettwali

Żgħażagħ attivi fl-istrutturi tal-MŻPN flimkien ma’ żgħażagħ ġodda iddiskutew f’seminar imtella’ mill-istess MŻPN bit-tema #distretti, il-bieraħ. Is-seminar ressaq ideat varji għall-mod kif l-istruttura tad-distretti tal-MŻPN tista’ tkun għodda għal involviment iżjed wiesa’ ta’ żgħażagħ fil-Partit Nazzjonalista.

Il-President tal-MŻPN Matthew Agius spjega l-importanza ta’ numru kbir ta’ żgħażagħ li se jkunu qed jirrappreżentaw lil Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’April li ġej. Dan jawgura nifs ġdid għal Partit li permezz tiegħu jersaq iżjed lejn l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ permezz tal-involviment dirett tagħhom.

Matul is-seminar tkellmu ż-żgħażagħ li ressqu ideat li se jiġu implimentati mill-MŻPN fil-ġimgħat u xhur li ġejjin. L-ideat jinkludu mezzi ta’ kif l-MŻPN innifsu jista’ jiġġedded. Iż-żgħażagħ preżenti resqu t-tħassib tagħhom dwar il-fatt li żgħażagħ ta’ sittax u sbatax-il sena ma kienux se jkunu jistgħu jivvutaw għar-referendum minkejja li ingħatghu il-vot għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jseħħu fl-istess ġurnata. Ġew diskussi wkoll elementi ta’ policy li jolqtu liż-żgħażagħ u kif il-Partit Nazzjonalista jrid ikun il-forum li joffri spazju lil żgħażagħ li jixtiequ jaraw bidla fis-soċjeta’ Maltija u Għawdxija.

Indirizzaw s-seminar il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u Beppe Fenech Adami, kif ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli miż-żgħażagħ u l-Kunsilli Lokali David Agius. Fl-interventi tagħhom lkoll saħqu kif iż-żgħażagħ għandom jkollom il-bibien miftuhin sabiex jkunu huma li jġeddu l-Partit Nazzjonalista. Ipparteċipaw ukoll numru ta’ Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ kandidati żgħażagħ tal-Kunsilli Lokali. L-MŻPN estenda l-appell tiegħu sabiex iżjed żgħażagħ jersqu ‘l quddiem sabiex jkunu ż-żgħażagħ bl-ideat u l-involviment tagħhom stess li jkomplu jistimulaw it-tiġdid fil-Partit Nazzjonalista.