L-Integrity Officer tal-MFA Franz Tabone se jkun qed jiltaqa’ mal-goalkeeper ta’ Swieqi United Matthew Mulholland u l-President tal-klabb, Justin Fenech.
Dan wara li lbieraħ Mulholland fuq Facebook kiteb li kien hemm persuna mhux magħrufa li waqt il-partita kontra Żejtun Corinthians offrietlu €500 biex jitkeċċa.
Qal li mit-triq u minn wara l-lasta tiegħu, xi ħadd li ma jafx min hu offrielu l-flus biex jitkeċċa. Għamilha ċara li hu mhux lest li jkun involut f’dak li sejjaħlu bħala “ħmieġ.”
Żejtun Corinthians jikkundannaw kull forma ta’ abbuż
Intant “il-Kumitat ta’ Żejtun Corinthians ikkundanna bla riservi kwalunkwe forma ta’ abbuż li jxekkel l-andament naturali tal-logħba tal-futbol.”
Dan b’reazzjoni għall-istqarrija tal-goalkeeper ta’ Swieqi United Matthew Mulholland, li qed jallega li xi ħadd, mit-triq u minn wara l-lasta tiegħu offrielu €500 biex jitkeċċa,
Il-Kumitat ikkundanna wkoll dak li sejħilhom bħala “akkużi minn plejers li minflok jinfurmaw lill-uffiċjali tal-partita waqt il-logħba stess b’dak li setgħu semgħu, iħallu l-partita għaddejja u jitfgħu akkużi fuq mezzi tal-media soċjali.”
Il-klabb ta’ Żejtun Corinthians F.C talab biex il-goalkeeper Matthew Mulholland jissostanzja l-allegazzjoni jew inkella jirtira. Fl-istess ħin talbu biex “kemm l-uffiċjali tal-MFA kif ukoll il-korp tal-pulizija jibdew bl-investigazzjonijiet mill-aktar fis possibli sabiex b’hekk ma tkomplix issir ħsara iktar milli diġa’ saret fil-konfront tal-klabb ta’ Żejtun Corinthians.”
Swieqi united ħadu azzjoni mill-ewwel
UMinn naħa tiegħu l-President ta’ Swieqi United Justin Fenech fi stqarrija saħaq li l-klabb immedjatament irraporta l-allegat każ ta’ attentat korruzzjoni li tkellem dwaru l-goalkeeper Matthew Mulholland, lill-Integrity Officer tal-MFA. Dan minn naħa tiegħu għadda l-informazzjoni lill-Pulizija.
Il-klabb għamilha ċara li l-plejer, jew xi uffiċjal tal-klabb, fl-ebda ħin m’allega li l-klabb ta’ Żejtun Corintians FC kien involut f’dan il-każ u minn dejjem kienet ċara li d-diskors ta’ “€500 biex titkeċċa” ntqal minn sors mhux identifikat.
Filwaqt li l-President Fenech ħabbar li l-klabb jappoġġja lill-plejers tiegħu, appella biex f’każi bħal dawn il-klabbs jingħaqdu biex għall-ġid tal-futbol tittieħed azzjoni.
Ritratt grazzi għal Jeffrick Cachia.
//= $special ?>

