Internazzjonali

Lejn taħditiet ġodda dwar l-Ukrajna

Il-Mexxejja tar-Russja, l-Ġermanja u Franza qablu li jiltaqgħu nhar l-Erbgħa f’Minsk, il-kapitali tal-Belarus, biex jiddiskutu pjan għall-paċi fl-inħawi tal-Lvant tal-Ukrajna.

Fl-aħħar jiem seħħew il-bumbardamenti ġodda fl-artijiet Ukreni tal-Lvant, bil-Gvern ta’ Kiev jakkuża lir-ribelli b’li qed iħejju għal aktar offensivi. Il-President Ukren, Poroshenko, anki talab l-għajnuna mill-Punent u meta mhux se jeskludi għall-għajnuna fil-forma ta’ armamenti.

Intant, il-laqgħa f’Minsk għandha ssir wara sensiela ta’ telefonati bejn il-President Russu, Vladimir Putin, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, il-President ta’ Franza, Francois Hollande u l-President Poroshenko li ddiskutew l-iżviluppi fil-konflitt tal-Ukrajna.

Mietu ‘l fuq minn 5,000 persuna fil-ġlied li ħakem ir-reġjuni Ukreni tal-Lvant minn April ‘l hawn, u misteni li l-Mexxejja rispettivi ‘il quddiem se jaqblu fir-rigward ta’ zona demilitarizzata ta’ mhux aktar minn sebgħin kilometru tul il-front tal-gwerra fl-Ukrajna tal-Lvant.

Hu minnu wkoll li l-President Russu, Putin, wissa li l-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa ssir biss ‘jekk, sa dak iż-żmien, il-Mexxejja jirnexxilhom jaqblu dwar numru ta’ punti relevanti’.