Lokali

Luciano Busuttil idaħħal xufier personali full-time mal-KMS

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, id-Deputat Laburista Luciano Busuttil, idaħħal xufier personali full-time mal-KMS.

Dan minkejja li Busuttil mhux chairman eżekuttiv tal-KMS u diġa’ hemm żewġ persuni oħra li huma impjegati bħala xufiera.

L-Aħbar kienet żvelata mill-ħarġa tal-llum tal-gazzetta Sunday Times of Malta li matulha kien rappurtat li Luciano Busuttil ma użax is-servizzi ta’ dawn ix-xufiera iżda qabad u daħħal lil ċertu Frans Borg mingħajr ebda sejħa.

Hu ġġustifika dan l-impjieg għaliex dan hu impjieg ta’ persuna ta’ fiduċja. Ix-xufier iwasslu kuljum fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar biex jiġbor it-tfal mill-iskola ta’ De La Salle, li tinsab viċin tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera. Dak il-ħin, jipparkja fil-post riservat għalih fil-parkegg tal-KMS.

Luciano Busuttil hu wieħed mid-diversi Deputati tal-Gvern li jieklu b’diversi ħluq. Minbarra li hu Deputat fil-Parlament b’onorarja ta’ 20,600 Ewro, Luciano Busuttil idaħħal 24,300 Ewro oħra mill-karigi ta’ Chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet Baranin u Ewropej u Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport.

Dan minbarra l-prattika privata tiegħu bħala avukat.